Inbeda l-proċess biex tiġi rtirata ċ-ċittadinanza Maltija ta’ mara li ġiet issanzjonata mill-Istati Uniti lbieraħ.
Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern għamel referenza għal stqarrija ppubblikata mid-Dipartiment tat-Teżor Amerikan li fiha hemm lista aġġornata ta’ nies sanzjonati anki minħabba l-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Il-persuna li se jkollha ċ-ċittadinanza Maltija revokata hija Evgeniya Vladimirovna Bernova.
Intant ix-xahar li għadda, l-Aġenziji Komunità Malta u Residenza Malta kienu ħabbru li ssospendew l-ipproċessar t’applikazzjonijiet ta’ ċittadini Russi u mill-Belarus fil-programm ta’ residenza li bih eventwalment tista’ tikseb iċ-ċittadinanza Maltija.
Il-Gvern kien spjega li l-aġenziji inkwistjoni qed isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, ir-Russja u l-Belarus.