Il-Ħamis li ġej, 7 ta’ April se jsiru l-elezzjonijiet każwali biex jimtlew ħmistax-il siġġu parlamentari battal għal dawk il-kandidati li wara nhar is-26 ta’ Marzu ġew eletti minn żewġ distretti.
Ħabbar dan il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista meta kien qed jieħu sehem fil-programm ONE Breakfast fejn qal li l-Ġimgħa nfetħu in-nominazzjonijiet għal dawn l-elezzjonijiet. Eleġibbli biex japplikaw huma dawk il-kandidati li ma ġewx eletti mid-distrett rispettiv fejn se ssir l-elezzjoni. Qal kif dawn jistgħu jsiru ġa la darba l-President ta’ Malta ffirma r-Writ tal-elezzjonijiet każwali l-Ħamis. B’hekk l-għada stess infettħu n-nominazzjonijiet għal dawn l-elezzjonijiet.
Qal, “Għandna sa nhar it-Tlieta biex jintlaqgħu n-nominazzjonijiet, l-Erbgħa ssir il-pubblikazzjoni tagħhom u l-Ħamis isiru l-elezzjonijiet każwali. Ovvjament jimtlew dawn id-disa’ siġġijiet li jinsabu l-batala minħabba deputati li ġew eletti minn żewġ distretti. Dan huwa l-mekkaniżmu li jmiss.”
Għall-Partit Laburista se jsiru tmien elezzjonijiet, dan għax il-Partit Laburista se jkun qed jagħmel ukoll co-option fil-Parlament ta’ Dr Randolph Debattista wara li fuq id-disa’ distrett, żewġ Deputati se jċedu żewġ siġġijiet u ma jifdal ħadd minn jiġi elett li jkun ikkontesta dak id-distrett f’isem il-Partit Laburista. Għall-Partit Nazzjonalista se jsiru seba’ elezzjonijiet każwali.
Għall-ewwel darba fl-istorja, wara li jsiru l-elezzjonijiet każwali se jitħaddem għall-ewwel darba l-mekkaniżmu ta’ rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fil-Parlament. F’dan il-każ se jiġu eletti iżjed nisa bħala Membri Parlamentari. In-numru ta’ nisa eletti se jkunu ugwali kemm għal Partit Laburista u għall-Partit Nazzjonalista, dan biex tibqa’ tiġi rispettata l-maġġoranza fil-Parlament. Gatt qal li l-ewwel tliet nisa li mistennija jiġu eletti permezz ta’ dan il-mekkaniżmu huma Rosianne Cutajar, Alicia Bugeja Said u Rebecca Buttigieg.
Cutajar u Buttigieg għandhom probabiltà kbira li jiġu eletti b’elezzjoni każwali allura jitilgħu nisa oħrajn bis-saħħa tal-mekkaniżmu.
Qal, “Biss dawn tajjeb li ngħid għandhom ċans tajjeb li jiġu eletti mill-Casual Elections. Imbagħad għandek Cressida Galea, Katya De Giovanni, Abigail Camilleri, Romilda Baldacchino Zarb, Amanda Spiteri Grech u Naomi Cachia. Dawk li għandhom ċans jiġu eletti bil-by-election, imbagħad meta jiġu biex jiskatta l-mekkaniżmu dawk jieħdu post oħrajn ġodda. Sakemm tkun għadek ma lħaqtx l-40% tas-sess oppost Iva.”
F’dan l-istess programm ħa sehem il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard, li kien ta s-sehem tiegħu biex inkitbet il-liġi favur iżjed rappreżentanza ugwali bejn is-sessi fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż. Hu qal li fl-ewwel darba li se jintuża dan il-mekkaniżmu se jkunu qed jiġu eletti l-massimu ta’ persuni jiġifieri tnax-il mara fil-Parlament, li se jkunu qed jiżdiedu fuq iż-żewġ naħat tal-Kamra. Qal li kieku ma hemmx dan il-mekkaniżmu, kien se jkun hemm biss erba’ nisa fil-Parlament.