Matul is-sena tal-elfejn, wieħed u għoxrin, il-kumpanija GO kellha dħul ta’ iktar minn mija, tlieta u disgħin miljun ewro.
Dan ifisser żieda ta’ tmien miljuni u nofs ewro fuq is-sena ta’ qabel.
Fi stqarrija, il-kumpanija GO qalet li żiedet b’żero punt sebgħa fil-mija d-dħul mill-operat fil-qasam tat-telekomunikazzjoni u dan għaliex kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-użu tar-roaming internazzjonali.
B’hekk l-investiment ta’ GO ta’ aktar minn ħamsin miljun ewro sarraf f’aktar valur.
Kien grazzi għal dawn ir-riżultati li l-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija GO ddeċidew li jirrakkomanda dividend finali ta’ disa’ ċenteżmi għal kull sehem.
Dan flimkien ma’ interim dividend ta’ seba’ ċenteżmi (€0.07) għal kull sehem li tħallas fil-wieħed u tletin t’Awwissu tal-elfejn, wieħed u għoxrin.
B’hekk it-total ta’ dividends li tqassmu għas-sena finanzjarja elfejn, wieħed u għoxrin se jkun ta’ sittax –il ċenteżmu għal kull sehem.
Fl-istqarrija l-kumpanija ħabbret li d-dividend finali għas-sena li spiċċat wieħed u tletin ta’ Diċembru tal-elfejn, wieħed u għoxrin, se jitħallas lill-azzjonisti nhar il-Ġimgħa sebgħa u għoxrin ta’ Mejju ta’ din is-sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija GO Nikhil Patil spjega li s-sena li għaddiet kienet waħda straordinarja li kellha impatt sinnifikanti fuq il-livell ekonomiku u soċjali.
Minkejja dan, hu stqarr li l-kumpanija baqgħet b’saħħitha tant li rnexxielha tikseb riżultati finanzjarji pożittivi.
Hu temm jgħid li l-kumpanija se tkompli tinvesti biex iżżid il-ħidma tagħha u tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent.