F’Jum il-31 ta’ Marzu filgħodu, ngħatat tislima lill-Malta Ħielsa fuq l-għolja tal-Ħelsien f’Xatt ir-Risq fil-Birgu.
Parata mill-Forzi Armati ta’ Malta bdiet mix-xatt ta’ Bormla u avviċinat lejn il-monument tal-Birgu.
Hemmhekk l-istess parata laqgħet lill-Eċċelenza Tiegħu l-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella. Huma ntlaqgħu mis-Sindku tal-Birgu John Boxall.
Min-naħa tiegħu l-President spezzjona l-gwardja tal-Unur.
Kien il-President Vella l-ewwel li sellem lil Malta Ħielsa fejn poġġa l-fjuri fuq il-Monument tal-Ħelsien.
Wara l-President kienu l-Ministru Owen Bonnici f’isem il-Gvern Malti u l-Viċi Kap tal-Opozizzjoni David Agius li poġġew il-fjuri u sellmu l-Monument tal-Ħelsien.
L-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż flimkien imbagħad sellmu lil Malta Ħielsa filwaqt li ndaqq l-Innu Malti, l-innu li jagħti identità u jgħaqqadna bħala aħwa Maltin.
L-istakkament ta’ suldati kompla bid-daqq ta’ fanffari quddiem il-Monument biex il-parata reġgħet imxiet lejn ix-Xatt ta’ Bormla minn quddiem il-Monument tal-Ħelsien.
Monument li jinsab fuq għolja mibnija minn ġebel Malti tas-sejjieħ. Għolja li għandha s-sinfikat li minn jitlaha jiftakar fit-triq li għaddew missirjietna biex kisbu l-Ħelsien. Mixja li kienet waħda ta’ tbatija u għalhekk il-mixja sal-quċċata ta’ din l-għolja hi waħda mħarbta u wieqfa.
Din il-mixja laħqet il-quċċata tagħha nhar il-31 ta’ Marzu 1979, meta fuq l-istess għolja niżlet għall-aħħar darba l-bandiera ingliża u telgħet dik Maltija u nxtelgħet il-fjamma mill-Perit Duminku Mintoff.
Fjamma li wara 43 sena baqgħet tkebbes, sinifkat li Malta baqgħet tiffjorixxi minkejja l-isfidi ta’ dak iż-żmien.