Kompliet il-kumpulazzjoni tax-xhieda fil-konfront tal-eks Kummissarju Ewropew u l-eks Ministru Nazzjonalista John Dalli, li huwa mixli b’rabta ma’ allegat każ ta’ tixħim ta’ €60 miljun sabiex tinbidel liġi Ewropea dwar l-isnus, tabakk li ma jitpejjipx.
B’mod virtwali dalgħodu xehed Giovanni Kessler li sal-elfejn u sbatax serva bħala d-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF.
Fix-xhieda tiegħu Kessler irrakkonta avvenimenti li jmorru lura għaxar snin b’diversi referenzi għal skambju ta’ emails fl-elfejn u tnax fosthom email u ittra mibgħuta minn Catherine Day dakinhar is-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea.
Huwa xehed li mgħarrfa bl-allegazzjonijiet, l-investigazzjoni trattat kondotta ħażina minn Dalli iżda wara skattat ukoll investigazzjoni li stħarrġet l-allegazzjonijiet kriminali.
L-eks Direttur Ġenerali tal-OLAF stqarr li Dalli, flimkien ma’ Silvio Zammit, kienu ma’ figuri influwenti fl-industrija tat-tabakk f’lukanda f’Għawdex.
Huwa temm ix-xhieda tiegħu billi qal li laqgħat ta’ din ix-xorta huma pprojbiti għal kull membru tal-Kummissjoni Ewropea abbażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali fosthom tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa.