Matul is-sena li għaddiet, id-defiċit f’pajjiżna naqas b’mitejn u ħamsa u għoxrin miljun u seba’ mitt elf ewro.
Dan hekk kif fil-kaxxa ta’ Malta issa, id-defiċit huwa ta’ ftit inqas minn biljun u mitejn u tlieta u erbgħin miljun ewro.
Statistika maħruġa mill-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO wriet li d-dħul rikurrenti tal-Gvern is-sena l-oħra laħħaq kważi l-ħames biljun u erba’ mitt miljun ewro.
Dan fisser żieda ta’ kważi 23% fuq sena qabel.
L-akbar żieda fid-dħul rikurrenti kienet ġejja mit-taxxa tad-dħul hekk kif mill-income tax, il-Gvern daħħal ftit iżjed minn nofs biljun ewro.
Mid-dħul mill-ħlas tal-bolla, il-Gvern daħħal mija sitta u tletin miljun ewro.
Dawn iċ-ċifri imorru id f’id ma’ sena li fiha l-pajjiż beda juri l-ewwel sinjali ta’ rkupru mill-pandemija u rreġistra l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
In-nefqa rikurrenti matul is-sena li għaddiet ammontat għal ħames biljun u seba’ mija u tmintax-il miljun ewro.
In-nefqa rikurrenti f’sena żdiedet bi ftit aktar minn biljun ewro.
L-akbar kontributur għan-nefqa rikurrenti kien taħt il-programmi u inizzjattivi tal-Gvern li jinkludu l-għajnuna li ta l-Gvern waqt pandemija, bħall-Covid-Wage Supplement.
Fil-fatt fuq għajnuna lin-negozji fost oħrajn, waqt pandemija, il-Gvern investa mat-tliet mija u tmienja u sebgħin miljun ewro.
Kien hemm ukoll mija u tmenin miljun ewro t’għajnuna marbuta mal-qasam tal-enerġija, bħal inċentivi li ta l-Gvern favur l-użu t’enerġija rinovabbli.