Iż-żjara tal-Papa Franġisku fil-gżejjer Maltin se ġġib entużjażmu f’ħafna kollezzjonisti u dawk kollha li jġemmgħu l-bolol hekk kif il-kumpanija MaltaPost se toħroġ sett ta’ bolol kommemorattivi biex tfakkar iż-żjara tal-Papa Frangisku ġewwa Malta li se jkun qed jasal f’pajjiżna s-Sibt tnejn t’April fl-għaxra ta’ filgħodu.
Dawn il-bolol saru bi proċess twil u għandhom marka bis-salib ta’ Malta. Fuqhom tpoġġew ukoll ritratti tal-postijiet li l-Papa għandu jżur fosthom il-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat u s-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu.
ONE News żar l-uffiċċju postali f’Ħal Qormi fejn tkellem mal-Kap tal-Uffiċċju Filateliku, Mary Grace Simpson fejn spjegat kif il-MaltaPost ddisinjat diversi oġġetti fosthom plakka li wieħed jista’ jikkollezzjona u bolol, li ġew stampati tletin elf waħda.
“Għal din iż-żjara tant mistennija ta’ papa’ Franġisku f’Malta ħasbet li toħroġ miniature sheet fejn qed turi l-immaġni tal-Papa’ u diversi oġġetti li wieħed ikun jista jikkollezzjonahom.”
Mary Grace Simpson spjegat kif ikun hawn ħafna kollezzjonisti anka minn barra minn Malta li jmorru bi ħġarhom jixtru dawn il-bolol hekk kif hija xi ħaġa tant sinifikanti.
“Ikun hawn ħafna stennija meta jiġi l-Papa biex jaraw l-bolol bħala Maltapost se noħorġu. Dak li jkun jista’ wkoll apparti il-kollezzjonisti li jġemmgħuhom, ikun hawn ħafna nies ukoll li jżommuhom tifkira.”
Fl-aħħar, Simpson spjegat kif il-MaltaPost għall-ewwel darba ħarġet plakka komemorattiva bħala edizzjoni limitata għal din l-okkażżjoni speċjali.
“Apparti kif qed naraw li noħorġu l-bolol u l-istagery bħal first day covers u wkoll ħsibna li nuru wkoll noħorġu cards differenti bit-timbru speċjali, għandna plakka komemorattiva li saret għall-ewwel darba li persważa li ħa jieħdu gost biha wkoll.”
Biex takkwista tifkira tal-okkażjoni tista’ żżur waħda mill-fergħat tal-MaltaPost jew minn fuq is-sit www.maltaphilately.com.