Bosta msieħba soċjali qed iħarsu ’l quddiem għall-ħames snin li ġejjin taħt Gvern ġdid immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
F’reazzjonijiet li ħa ONE News fil-jum tat-Tlieta lil rappreżentanti differenti tal-korpi kostitwiti, stajna ninnutaw sentiment ferm pożittiv għall-implimentazzjoni tal-proposti li ħabbar il-Partit Laburista fil-ġimgħat li għaddew.
Il-President tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji Paul Abela qal kif fis-sentejn li għaddew Robert Abela wera li għandu r-riċetta li jisma’ u jiddjaloga mal-imsieħba soċjali u jemmen li hekk se jibqa’ jagħmel fiż-żmien li ġej.
“Aħna bħala SMEs il-Prim Ministru diġà ħdimna miegħu f’dawn is-sentejn u r-riċetta li kellu li jiddjaloga magħna u kull deċiżjoni li jieħu u jiddiskuti magħna u niddeċidu, din nawgura lil Gvern il-ġdid jibqa’ għaddej fuq din is-sistema.”
President tal-SMEs Paul Abela
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja spjega kif il-prijoritajiet tal-Gvern il-ġdid, meta jiġu implimentati, żgur li se jtejbu l-kwalità tal-ħajja ta’ bosta, fosthom tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
“Issa naraw li għandhom jissarfu l-proposti f’dawk il-wegħdiet jiġu proposti konkreti biex intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema u ċittadini kollha biex aħna finalment il-kontribut li nagħtu ġa ddikjarajna li lesti naħdmu mal-Gvern fl-implimentazzjoni bħala wieħed mis-sħab soċjali prinċipali u bħala l-akbar rappreżentant tal-ħaddiema li nagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli.”
Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja
L-imsieħba soċjali f’Għawdex ukoll iħarsu ’l quddiem għal dawn is-snin, bil-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat jgħid kif il-Gvern ġdid għandu l-kredibilità li jibqa’ jaħdem fil-qasam turistiku.
Hawnhekk huwa awgura lill-Gvern ġdid sabiex jibqa’ jibni fuq it-tajjeb li ġa wettaq.
“Aħna wkoll bħala rappreżentanti tas-settur turistiku Għawdxi nixtiequ nawguraw lill-Gvern ġdid ikompli jibni fuq il-kuraġġ u anke l-ispirtu intraprenditarjoli tas-settur turistiku Għawdxi sabiex inkomplu ntejbu u nassistu lit-turiżmu fil-gżira Għawdxija sabiex jilħaq l-irkupru sħiħ mill-pandemija.”
Kap Eżekuttiv tal-GTA, Joe Muscat