Bint il-vittma Rita Ellul, li nqatlet fgata, qalet lill-pulizija li lura f’Novembru tal-elfejn u għoxrin ommha kienet fetħet qalbha magħha u qaltilha li s-sieħeb tagħha, Lawrence Abina, kien jixrob u meta jmur lura d-dar kien ukoll isawwatha.
Dan ħareġ hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Lawrence Abina, li qed jiġi akkużat bil-qtil tal-eks sieħba tiegħu Rita Ellul f’appartament f’Għajnsielem.
Fis-seduta tal-lum xehdu diversi infermiera u tobba li stqarrew li meta marru fuq il-post u sabu lil Ellul mejta, l-akkużat kien qalilhom li l-vitma kienet ma tiflaħx filgħodu u meta mar jara x’għandha sabha mejta u talab għall-assistenza.
Xehed ukoll Amankwah Tafutor, li kien jgħix mal-akkużat, li spjega li minn tliet xhur qabel il-każ, Rita Ellul ma baqgħetx tmur ta’ spiss Għawdex.