Iċ-ċerimonja tal-Oscars tal-2022 kienet ddominata mid-daqqa ta’ ħarta li ta Will Smith lil Chris Rock wara li dan qal ċajta dwar martu, iżda lil hinn minn dan il-mument, l-Oscars offrew ukoll mumenti u kisbiet storiċi fl-akbar industrija tal-films.
ONE News tkellem mal-espert tal-films, Mario Azzopardi, li stqarr kif kien hemm bosta mumenti li se jibqgħu jiġu mfakkra. Fosthom kien hemm id-diskors tal-attur Troy Kotsur, li minħabba li ma jismax, ikkomunika ma’ dawk preżenti permezz tal-lingwa tas-sinjali quddiem folla emozzjonata.
Kien hemm ukoll il-preżentazzjoni minn Liza Minelli, li fuq siġġu tar-roti kellha mument ħelu fuq il-palk kważi ħamsin sena wara li kienet rebħet l-Oscar tagħha.
Azzopardi nnota wkoll kif il-fatt li r-rebbieħ tal-aqwa film kien il-film CODA, li kien ġie prodott speċifikament għall-pjattaformi diġitali, huwa wieħed indikattiv għall-industrija tal-films.
“Hija interessanti wkoll għaliex sa ħames snin ilu kien hemm moviment qawwi biex dan it-tip ta’ films li jkunu għall-istreaming services, ma jitħallewx jipparteċipaw, eventwalment tħallew jipparteċipaw, speċjalment anke minħabba l-pandemija li prattikament għal sentejn kien hemm problemi kbar biex joħorġu films fl-iswali taċ-ċinema.”
Azzopardi sostna kif l-industrija mhux l-ewwel darba li rat żviluppi simili b’reżistenza lejhom.
“Ma tistax twaqqaf l-iżvilupp. L-istreaming services issa daħlu sewwa, kellhom għajnuna kbira mill-pandemija, fis-sens li n-nies baqgħu d-dar u allura użawhom. L-istreaming services kollha qed jinvestu somom kbar ta’ flus, apparti li jixtru ħafna films, anke huma qed jinvestu biex joħolqu films biex jikkompetu bejniethom.”