Stennija kbira għaż-żjara tal-Papa Franġisku f’pajjiżna, partikolarment fost it-tfal.
Fil-fatt l-istudenti minn skejjel differenti f’Malta u Għawdex ġew mistiedna sabiex jagħmlu espressjonijiet artistiċi li se jiġu ppreżentati lill-Qdusija tiegħu mal-wasla tiegħu f’Malta.
It-Tlieta filgħodu għexieren ta’ tfal minn sittin skola differenti nġabru fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl fir-Rabat, sabiex jippreparaw għal din iż-żjara spiritwali.
ONE News tkellem ma’ Fr Reuben Gauci, li qalilna li t-tema ta’ dan kollu hija, ‘Ilkoll Aħwa’.
“Parti minn din ir-riflessjoni hija kif aħna ngħixu lkoll bħala aħwa u fil-fatt wara li ltqajna u ħafna studenti esprimew b’mod artisitku u aħna wkoll qed niġbru l-arti illi juru x-xewqat u l-ħolm tat-tfal u taż-żgħażagħ fl-iskejjel tal-istat tal-knisja u indipendenti, kif ngħixu bħala aħwa fis-soċjetà Maltija tal-lum.”
F’din l-attività t-tfal qalu kif f’dawn il-preparazzjonijiet raw kif il-Papa Franġisku jwassal il-messaġġ ta’ ospitalità, ta’ ferħ, tat-talb u anke dak ta’ kontra l-mibegħda.
Il-miġja ta’ San Pawl f’pajjiżna wkoll issemmiet fid-diskussjoni li kellhom l-istudenti.
Fr Reuben Gauci qalilna wkoll kif din iż-żjara ġabet entużjażmu kbir.
“Ħadmu ħafna u llum qed nippreżentawhom biex ukoll xi wħud minnhom se jkunu ppreżentati lill-Papa Franġisku biex ikun jaf anke dawn ix-xewqat il-ħolm tat-tfal illum f’sittin skola u kienet esperjenza sabiħa għax qajmet ukoll ħafna entużjażmu biex fost l-affarijiet kollha li qed isiru f’pajjiżna u madwar id-dinja anke nippreparaw ruħna għal din il-miġja.”