Il-gazzetti llum komplew jinnutaw it-turbulenzi fil-Partit Nazzjonalista u d-daqqiet li fazzjonijiet differenti fil-partit ta’ Bernard Grech ħadu.
Ġie nnutat kif uħud mill-kandidati tal-Blue Heroes ma ġewx eletti bħal Jason Azzopardi u Karol Aquilina iżda mbagħad oħrajn bħal Beppe Fenech Adami u Ivan Bartolo, magħruf bħala tas-6pm, ġew eletti.
Is-sorsi ta’ ONE News, li dejjem taw l-informazzjoni minn ġewwa d-Dar Ċentrali qalulna li Fenech Adami u Bartolo se jkunu strumentali biex il-Blue Heroes jibqgħu fir-riedni tal-Partit Nazzjonalista u jgħinu lil sħabhom li ma telgħux biex jingħaqdu magħhom fil-Parlament permezz ta’ elezzjoni każwali.
Iċ-ċansijiet huma hemm, hekk kif Jason Azzopardi u Karol Aquilina jistgħu jiġu eletti fuq id-disa’ u l-għaxar distrett rispettivament permezz ta’ elezzjoni każwali.
Imbagħad għandek nies bħal Claudette Buttigieg li l-uniku tama li għandha biex tkun fil-Parlament hu bil-mekkaniżmu favur rappreżentanza iżjed ugwali bejn is-sessi fil-Parlament.
Dan hekk kif ma hemmx min iċedi siġġu parlamentari b’elezzjoni każwali, fuq id-distretti li kkontestat fuqhom hi.
Intant qed iqumu mistoqsijiet kbar dwar Bernard Grech, li għajr messaġġ ta’ ftit sekondi u dawra fis-sala tal-għadd tal-voti fin-Naxxar, baqa’ ma deherx ħlief biex jgħid li jrid jibqa’ Kap.
Sadanittant id-daqqiet ma qalgħuhomx biss tal-Blue Heroes iżda minn tal-fazzjoni Delia wkoll kien hemm min baqa’ l-art.
Edwin Vassallo, magħruf kemm kien wara Adrian Delia u anki Maria Deguara, ma ġewx eletti.
Il-Viċi Kap David Agius tela’ biss minn distrett wieħed u l-Viċi Kap l-ieħor Robert Arrigo ġie elett wara Joe Giglio.
Arrigo kien l-ewwel wieħed li anki jekk Bernard Grech qal li se jibqa’ Kap, huwa talab lil Roberta Metsola biex tgħin lill-Partit Nazzjonalista.
Is-sorsi tagħna qalulna li kollox jiddependi x’se jagħmlu l-Blue Heroes, il-mutur tal-establishment Nazzjonalista li poġġa lil Bernard Grech Kap fl-2020 biex tneħħa Adrian Delia, li fuq facebook qal li l-poplu mhux tkellem iżda werżaq.