Bejn il-Ġimgħa 25 ta’ Marzu u l-Ħadd 27 ta’ Marzu, tliet sewwieqa Maltin telqu lejn Sqallija biex jikkompetu fis-sebgħa u tletin edizzjoni tal-Hillclimb Coppa Val D’Anapo f’Sortino. It-tliet sewwieqa kienu Darren Camilleri fuq Tatus Honda, David Grech fuq Escort Mk2 u Edward Calleja fuq Lotus.
Il-korsa użata f’din it-tellieqa hija twila ftit metri inqas minn sitt kilometri.
L-aħjar riżultat huwa dak tas-sewwieq Darren Camilleri li mit-testijiet li saru nhar is-Sibt mill-ewwel beda juri prestazzjoni tajba fejn għamel ħin ta’ tliet minuti, disgħa u għoxrin sekonda u wieħed u għoxrin parti ta’ sekonda. Fl-ewwel tiġrija tal-Ħadd, huwa naqqas il-ħin għal tliet minuti, tmienja u għoxrin sekonda u sitta u ħamsin parti ta’ sekonda, u għal tliet minuti, tmienja u għoxrin sekonda u erba’ partijiet ta’ sekonda fl-aħħar tiġrija. B’hekk it-total tal-Ħadd kien ta’ sitt minuti, sitta u ħamsin sekonda u sittin parti ta’ sekonda. B’dan ir-riżultat, Camilleri rebaħ il-klassi tiegħu u daħal fit-tielet post fost is-sewwieqa kollha tal-ġurnata b’distakk ta’ tlieta u ħamsin punt ta’ sekonda biss wara Bonfonte Pellegrino, li spiċċa fit-tieni post. Fit-tieni tiġrija tal-Ħadd, Camilleri għeleb lil Pellegrino b’erbgħa u tletin parti ta’ sekonda.
David Grech fuq Escort mark 2 għamel l-aħjar ħin tiegħu fl-aħħar tiġrija tal-Ħadd b’erba’ minuti, għoxrin sekonda, u sitta u erbgħin parti ta’ sekonda. B’dan ir-riżultat, Grech temm l-avventura tiegħu fit-tieni post fost is-sewwieqa fil-klassi tiegħu.
Edward Calleja u t-tim tiegħu vvjaġġaw lejn Sqallija għalxejn għax ma setgħux jsuqu minħabba ħsarat tekniċi.