Tul il-jum tal-Ħadd waqt li ċ-ċelebrazzjonijiet għar-rebħa tal-Partit Laburista kienu għaddejjin f’Malta, il-midja internazzjonali tefgħet għajnejha fuq Malta u rreaġixxiet għar-rebħa b’maġġoranza assoluta tal-Partit Laburista.
L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters irrappurtat kif it-tielet rebħa konsekuttiva tal-Partit Laburista ġiet wara kampanja fejn ġie emfasizzat l-amministrar tal-pandemija min-naħa tal-Gvern, kif ukoll l-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna u l-għajnuna għan-negozji u l-familji.
Is-sit awtorevoli Politico kkwota lill-Prim Ministru Robert Abela, meta ħabbar li l-Partit Laburista rebaħ b’maġġoranza assoluta. Is-sit semma’ wkoll kif il-Kap tal-Oppożizzjoni ikkonċeda t-telfa elettorali.
Euronews irrapporta dwar l-impenn tal-Partit Laburista sabiex waqt kriżi tal-enerġija madwar id-dinja, ikompli jżomm l-istabilità fil-prezzijiet tal-enerġija.
Euronews innota kif il-Gvern immexxi minn Robert Abela irnexxielu jikkontrolla l-effetti tal-pandemija fuq il-ħaddiema u min iħaddem, filwaqt li naqqas il-qgħad għal livell rekord waqt pandemija.
Is-sit The Guardian innota d-diversi fatturi li għamlu din l-elezzjoni ġenerali waħda storika, fosthom il-fatt li din saret fl-isfond ta’ kunflitt fl-Ewropa u l-fatt li kienet l-ewwel elezzjoni ġenerali fejn ivvutaw żgħażagħ ta’ sittax u sbatax-il sena.
Is-sit innota wkoll kif f’sentejn bħala Prim Ministru, Robert Abela ħadem sabiex tissaħħaħ il-governanza.