Wara konferenza tal-aħbarijiet inidirizzata mix-shadow minister għall-enerġija Marthese Portelli, il-Partit Laburista fi stqarrija qal li bil-politika li qed jimbotta ‘l quddiem il-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil, hemm garanzija li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma jgħollew. Dan, osserva l-Partit Laburist, kien ikkonfermat mill-kelliema ta’ Busuttil, Marthese Portelli f’konferenza tal-aħbarijiet.
Fi kliem il-Partit Laburista, “hija evidenti l-inkompetenza tal-PN fil-qasam tal-enerġija, liema politika kienet swiet mijiet ta’ miljuni lill-familji u n-negozji f’pajjiżna, u minkejja dan jidher ċar li l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid ireġġa’ l-arloġġ lura”.
Minkejja t-tibdil li tant ħareġ jikkritika l-Partit Nazzjonalista, il-prezz tal-petrol huwa 20ċ orħos mill-livell li kien fl-ewwel xahar sħiħ ta’ din l-amministrazzjoni, filwaqt li l-prezz tad-diesel huwa 22ċ orħos. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma’ dak li wettaq il-Partit Nazzjonalista bejn Marzu 2008 u Marzu 2013 meta kien għolla l-prezz tal-petrol b’39ċ u d-diesel b’36ċ.
“Minbarra din iż-żieda ta’ madwar 36% fil-prezz tal-fjuwil, il-Partit Nazzjonalista meta kien fil-Gvern kien għażel li jgħolli l-kontijiet tad-dawl b’71%. B’rizultat ta’ hekk l-familja medja f’pajjiżna kienet spiċċat b’piż ta’ spiża annwali akbar fuq dawl, ilma u fjuwil ta’ madwar €1,500”.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-Partit Nazzjonalista ta’ Busuttil jibqa’ garanzija ta’ kontijiet tad-dawl u ilma ogħla.