- L-isfidi tal-2017 jittestjaw lill-politiċi
Qed ngħixu f’era msejjħa tal-‘wara l-verità’ (post-truth) fejn il-perċezzjoni – kif naraw dak li jiġri madwarna – u l-emozzjoni, x’inħossu dwar dak li jiġri, bosta drabi npoġġuhom qabel il-fatti. Kulħadd jaf li r-referendum ta’ Brexit f’Ġunju tas-sena l-oħra wera b’mod ċar li r-Renju Unit joħroġ, iżda llum l-istess elettorat qed jiddubita għamilx sew. Trump wasal biex jieħu l-ġurament tal-president ġdid Amerikan, iżda, qabel biss tela’ ġa mhux qed jaqbel mal-istess leġislaturi tal-partit tiegħu li kkonfermawh fil-Kungress tal-Istati Uniti. Tgħid il-politka liberali qed tmajna? Kemm hi soda d-demokrazija f’pajjiżi tal-Punent fejn ilha titħaddem b’suċċess konsiderevoli?
- Immigrazzjoni mqarba
Qabel Malta ħadet f’idejha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea wegħdet li se tħabrek tmexxi ‘l quddiem il-kwistjoni tal-immigrazzjoni. B’xi mod jew ieħor din l-imbierka emigrazzjoni minn pajjiżi li jidhru għadhom lura fid-demokrazija u fir-rieda tagħhom li jagħmlu l-progress b’rispett u mġieba ċivili, jidhru li tassew qed ikunu l-kawża ta’ attakki terroristi, biżgħa fost il-popli tolleranti li jilqgħuhom u instabbilità politka li drajna ngawdu. Ir-Renju Unit, l-Awstrija, l-Italja huma fost lista ta’ pajjiżi li stqarru ċar u tond li jixtiequ jikkontrollaw id-dħul ta’ immigranti biex jaslu jagħrblu min jidħol u min le. Issa l-Ġermanja wkoll tixtieq dan. L-Istati Uniti saħansitra jistgħu jaslu jinterrogaw kull Musulman qabel iħalluh jgħix fil-pajjiż. Ħafna swaba’ jippuntaw lejn dan iċ-ċaqliq globali, spiss konfuż, ta’ emigranti mqarba u kriminali…imma meta tara li pereżempju fl-Ewropa riċentement daħlu miljuni u tiċċekkja kemm minnhom huma terroristi ssib li bilkemm tista’ toħroġ persentaġġ. Ġust jew mhux ġust li nwaħħlu f’min għandu reliġjon differenti, lewn differenti u forsi kultura differenti?
- Il-massa qed thedded il-libertà tal-individwu?
Ktieb riċenti li jistudja dan il-fenomenu huwa The Quest for a Moral Compass tal-ġuranlist Kenan Malik. Huwa jsostni li filwaqt li dal-fenomenu ġdid fil-politka Ewropea qed jheżżeż il-liberaliżmu tradizzjonali progressiv, id-demokrazija għadha taħdem. Huwa jisfida lill-politiċi biex jivvintaw sistemi ġodda – aktar rilevanti għall-poplu – jekk iridu jreġġgħu lura l-mixja lemenija populista mħarrka mill-klassi tal-ħaddiema mdejqa bis-sitwazzjonijiet soċjali li għad għandhom fil-pajjiżi tagħhom. Jemmen li l-2017 mhux se tkun differenti minn ta’ qabilha – anzi bl-elezzjonijiet fl-Olanda, Franza u l-Italja barra dik fil-Ġermanja fil-bidu tal-ħarifa se nissugraw naraw partiti populisti javvanzaw jekk mhux ukoll jitrijunfaw bil-voti tal-poplu. Ċar u tond dis-sitwazzjoni turi li jekk jiġri dan, il-liberaliżmu li drajna jieħu majnata; min-naħa l-oħra ir-riżultati tal-elezzjonijiet fl-Ewropa huma ċertifikat tad-demokrazija mħaddma. Id-demokrazija ma tfisserx tikseb ir-riżultat, il-gvern, il-president, il-prim ministru li mingħalik hu ‘it-tajjeb’ skont l-idejat tradizzjonali tiegħek imma li ttik dak li tixtieq il-maġġoranza. Trump u Le Pen jistgħu jidhru reazzjonarji u lesti jisfidaw it-tolleranza li jħossu hija żejda, imma s-suċċess tagħhom jikxef problema fil-politka aktar milli fid-demokrazija.
Drajna wisq, jgħid Malik, inħaddmu d-demokrazija liberali u nsejna li teżisti tensjoni ħarxa bejn dawn iż-żewġ idejat: liberaliżmu u demokrazija. Fil-qalba tal-liberaliżmu hemm l-individwu – ippriedkajna li l-libertà tal-individwu m’għandhiex tkun ristretta, għandu jkun hemm indħil mill-anqas u kull minoranza għandha tgawdi drittijietha bla xkiel. Il-liberali jħossu wkoll li l-massa tista’ ma twassalx għal dan, anzi kapaċi thedded il-libertà tal-individwu. Għalhekk il-liberali jduru lejn l-Istat u jitolbu kull dritt ċivili li jħossu għandhom igawdu f’soċjeta tolleranti. Kif spiss naraw madankollu l-massa li tivvota aktar mehdija kif tlaħħaq mal-ħajja, kif tfieq meta timrad u kif issib ix-xogħol li jħallas b’mod xieraq. U hu preċiż għalhekk li gvern għaqli filwaqt li jagħti widen u jsaħħaħ kull dritt ċivili ma jinsiex il-massa li aktarx ikollha priorità ta’ valuri u ħtiġijiet differenti iżjed, imsejsa fuq il-bżonnijiet tal-ħajja aktar milli l-filosofija tal-libertà.
Eżempju ċar ta’ dan hu s-suċċess elettorali kbir Laburista fl-elezzjoni tal-2013 u r-rabta mal-fattur tal-wegħda tar-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma li l-għoli tagħhom kien qed jifni lill-massa, aktarx ħafna aktar mill-biżgħa li, per eżempju jbati l-ambjent. Ir-riżultat tar-referendum tal-kaċċa jsaħħaħ din it-teorija.
- L-isplużjoni tat-trabi 70 sena ilu
Ktieb ieħor li jorbot maċ-ċaqliq tal-masses huwa dak tax-xandar David Willetts li bħal ħafna minna fl-Ewropa huwa wild tal-isplużjoni tat-trabi (baby-boomers) ta’ wara l-gwerra. F’dal-ktieb bit-titlu The Pinch l-awtur jifli l-istatistika u jsib li dis-sena dal-boomers wasslu biex id-dinja tagħlaq 30 sena ta’ età medja. Tassew li d-dinja qed tixjieħ: sa mis-snin 50 l-età medja taċ-ċittadini ta’ din il-pjaneta kienet kważi dejjem ta’ 20 sena. Issa s-seba’ biljun ruħ li hawn fid-dinja kibru u sal-2050 l-età medja globali se tiżdied għal 38 sena.
Fil-Punent wara l-gwerra kien hawn bosta żgħażagħ riżultat tal-isplużjoni tat-trabi wara li pajjiżi li tilfu miljuni ta’ suldati u baħrin xtaqu jerġgħu jippopolaw l-art. Sintendi inħoloq stress kbir fuq il-pajjiżi – biżżejjed insemmu li l-gvernijiet tas-snin 50, inkluż ta’ Malta, kellhom jibnu ħafna skejjel u jżommu r-ration biex jitimgħu lit-tfal ta’ bosta familji numerużi. Imma nħolqu wkoll ħafna opportunijiet ġodda. Meta dal-wild ta’ wara l-gwerra daħal fis-snin taż-żmientax (teenage) bdew jipprotestaw: insibu l-moviment tal-qawwa tal-fjuri (flower-power) fl-Istati Uniti, protesti u bidliet fil-moda fir-Renju Unit, fl-akkademja fi Franza u saħansitra fil-letteratura hawn Malta. Riżultat pożittiv wassal biex inħolqu azjendi u intrapriżi ġodda li ħaddmu lil bosta; fejn ma ġarax hekk, per eżempju f’pajjiżi fejn jikkmandaw il-ftit, ir-riżultat kien l-irvelli tar-Rebbiegħa Għarbija sitt snin ilu.
Issa daż-żgħażagħ tas-snin sittin kibru u qed jersqu lejn is-70 jekk mhux ġa laħquhom. L-isfida se tkun fin-numru ta’ trabi ġodda li suppost ħadulhom posthom fix-xogħol meta nafu biżżejjed kemm ir-rati tat-twelid naqsu bil-qawwa fl-Ewropa imma anki fiċ-Ċina bis-sistema li kull mara ma jkollhiex aktar minn tifel wieħed (din tneħħiet sentejn ilu iżda r-rata tat-twelid żdiedet biss fi proporzjon ta’ nofs tarbija iżjed għal kull mara).
- Aktar immigranti Afrikani lejn l-Ewropa
Fiċ-Ċina daqt titfaċċa l-problema tal-instabilità fil-popolazzjoni meta qed toqrob tgħaġġel lejn età medja ta’ 38 snin qabel il-kumplament tad-dinja. Pajjiż ieħor b’popolazzjoni kbira sintendi huwa l-Indja li fi żmien ħames snin oħra mistenni jaqbeż dik taċ-Ċina. Sal-2050 wara l-Indja u ċ-Ċina bl-akbar popolazzjoni se tkun in-Niġerja, qabel l-Istati Uniti. Splużjonijiet oħra ta’ twelid qed iseħħu fl-Afrika fosthom fil-Kenja, l-Uganda u l-Etjopja fejn it-trabi għadhom jitwieldu bil-gzuz. Fis-snin 50 il-popolazzjoni tal-Ewropa kienet tliet darbiet dik tal-Afrika fil-pajjiżi ‘l isfel mis-Saħħara; fi zmien 30 sena se niġu bil-maqlub u għalhekk il-migrazzjoni lejn l-Ewropa mistennija tikber aktar milli tonqos.
L-Amerka żammet rata ogħla tat-twelid u biż-żjieda ta’ immigrazzjoni mdaqqsa u regulari għandha anqas problemi ta’ żgħażagħ isostnu lix-xjuħ li jippretendu sostenn f’pensjonijiet u servizzi. Imma l-Amerka qed tiffaċċja wkoll problema etnika li f’ċerti stati, fejn il-maġġoranza tal-adulti huma bojod dawn ma jixtiequx iħallsu taxxi għall-edukazzjoni tal-immigranti l-aktar tal-Ispaniċi li daqt jiffurmaw aktar minn 50 fil-mija tal-popolazzjoni tal-Istati Uniti.
Dan id-diskors iġiebna wiċċ imb’wiċċ mal-immigrazzjoni. Malta aħna wkoll qed nixjieħu; aħna wkoll rażżanna l-popolazzjoni u qed ninkwetaw fuq min se jħallas il-pensjonijiet jekk iż-żgħażagħ u l-adulti fl-impieg ikunu ftit. Hawn jidħol il-fattur għaqli tal-ħaddiema barranin u tal-immigranti fostna. Jekk ma jiġux, jekk ma nistmawhomx f’atmosfera multikulturali, min se jsibilna fejn ngħaddu l-aħħar snin ta’ ħajjitna? Min se jieħu ħsiebna bhala anzjani? L-Istat dejjem hemm imma l-flus iridu jiġu minn ximkien.
Ritratt f’ras il-blog: dehra riċenti tal-Għar il-Kbir limiti ta’ Ħad-Dingli (nittama li xi darba dal-kumpless jingħata ftit attenzjoni turistika bla ma jitħassar l-ambjent) fejn sa mis-seklu 16 kienu jgħixu mijiet mgħobbija bit-tfal – illum 70 fil-mija tal-abitazzjonijiet residenzjali f’Malta huma battala.
Ritratt tal-ġimgħa tirbħu Marine Le Pen li bl-elezzjoni fi Franza fi żmien ftit xhur oħra tista’ taħsad lill-Ewropa bl-ewwel president tal-lemin estrem populist bl-għajta ‘f’isem il-poplu’ biex trażżan l-immigrazzjoni.