It-tim nazzjonali Malti l-ġimgħa fil-għaxija rebaħ 1 – 0 fl-ewwel logħba minn tnejn ta’ ħbiberija. Il-Ġimgħa Malta lagħbet kontra l-Ażerbaijan filwaqt nhar it-Tlieta Malta tilgħab it-tieni partita ta’ ħbiberija din id-darba kontra l-Kuwait. Il-partiti jintlagħbu fl-Stadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali.
It-tim Malti kien perikoluż wara seba’ minuti meta xutt mill-ewwel ta’ Andrei Agius ġie salvat minn Agayev f’korner.
Andrei Agius reġa’ ħoloq periklu serju għal-lasti avversarji meta l-frikik tiegħu għadda għoli.
It-tim Malti baqa’ l-aħjar tim fil-grawnd u ftit wara l-konklużjoni ta’ Alex Satariano wara kross ta’ Joseph Mbong ġie salvat mill-ġdid ma’ Agayev.
Eżatt qabel l-intervall l-kaptan Andrei Agius, li għalih din kienet l-aħħar partita bil-flok ta’ Malta hekk kif irtira mix-xena internazzjonali, ġie mibdul minn Zack Muscat. B’kollox Agius lagħab xejn anqas minn 103 partita bil-flok tat-tim nazzjonali Malti.
Malta sfortunata li ma tiftaħx l-skor eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima meta l-konklużjoni tal-attakant ta’ Hibernians Jurgen Degabriele ħabtet mal-lasta.
Ir-riżultat sat-tmiem l-ewwel taqsima baqa’ dak ta’ 0 – 0.
L-Ażeri kienu aktar organizzati fl-ewwel parti tat-tieni taqsima tant li mal-ftuħ laqtu l-lasta permezz ta’ Sheyhaev. Ftit wara konklużjoni oħra din id-darba ta’ Eddy għaddiet għoli.
Madankollu kien it-tim Malti li skorja fil-55 minuta meta Jurgen Degabriele irċieva ballun tajjeb mingħand Teddy Teuma li wara li k-kontrolla, avvanza u xeħet wara Agayev għal 1 – 0.
Seba’ minuti mit-tmiem Malta għal ftit ma’ għamlithomx tnejn meta l-konklużjoni ta’ Satariano ġiet mill-ġdid salvata minn Agayev.
Riżultat finali Malta 1 Azerbajġan 0.
Ritratt: MFA