Għaddejjin it-tħejjijiet biex pajjiżna jkun jista’ jilqa’ lis-suċċessur ta’ San Pietru fil-bidu tax-xahar li ġej.
Is-Segretarju tal-Konferenza Episkopali kif ukoll membru fil-Kumitat Organizzattiv Djoċesan għaż‑żjara tal‑Papa, Dun Jimmy Bonnici stqarr kif hija grazzja kbira li fl-età tiegħu, il-Papa se jkun qed jiddedika jumejn f’pajjiżna.
Dun Bonnici spjega magħna li l-Papa Franġisku se jasal pajjiżna għal ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, b’titjira diretta mill-ajruport ta’ Fiumiċino f’Ruma.
Wara ċ-ċerimonja l-Papa se jkollu attività għaż-żgħażagħ organizzata mill-Malta Catholic Youth Network fi Pjazza San Ġorġ l-Belt Valletta, biex wara jidħol fil-Palazz tal-Granmastru għal-laqgħa individwali mal-President u wara mal-Prim Ministru.
Fil-Palazz, il-Papa se jindirizza lill-awtoritajiet ċivili u l-ambaxxaturi akkreditati għal Malta.
Dun Bonnici saħaq li wieħed mill-għanijiet li għandu l-Kumitat huwa li jerġa jinħoloq dak il-mument memorabbli tal-wasla tal-papa fil-Port il-Kbir.
Jimmy Bonnici tenna, “Dejjem hemm dik ix-xewqa, tkun ukoll l-esperjenza ta’ kull Papa li jiġi Malta. Fil-fatt, ġara wkoll meta wasal il-Papa Benedittu sittax. Il-mawra tal-Papa Franġisku minn Malta għal Għawdex se jsir mill-Port il-Kbir.”
Bħala Papa Ġwanni Pawlu t-tieni u Papa Benedittu Sittax, huwa skedat ukoll li l-Papa iżur il-Grotta ta’ San Pawl, fejn jingħad li San Pawl għex tul it-tliet xhur li għamel f’Malta.
Dun Bonnici spjega li bosta persuni diġa rreġistraw biex jirriservaw post bilqiegħda għall-quddiesa ċċelebrata mill-Qdusija Tiegħu, l-Papa Franġisku.
Stqarr, “Minħabba li r-rispons kien inkoraġġanti ħafna, żidna s-seating ukoll. Jiġifieri minbarra s-siġġijiet fuq il-post, żidna ukoll tiered seating biex nipprovdu iktar possibiltajiet li nies jipparteċipaw fil-quddiesa mal-Papa.”
Intant, fil-jum tal-Ġimgħa, l-Papa Franġisku ppreseda talb speċjali għat-tmiem tal-gwerra fl-Ukrajna.
Għal dan it-talb huwa stieden lill-isqfijiet, saċerdoti u nsara minn madwar id-dinja biex jingħaqdu miegħu.