Sa issa, Malta ma rċeviet ebda talba biex tfal Ukreni li spiċċaw mingħajr familja minħabba l-kriżi fl-Ukrajna, jiġu fostered jew adottati f’pajjiżna.
Iddikjara dan il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti fost spekulazzjonijiet fuq il-midja soċjali li xi tfal Ukreni li spiċċaw bla saqaf fuq rashom, ġew ifittxu kenn permanenti għand familji Maltin.
Is-Sur Grixti spjega li l-pożizzjoni ta’ Malta bħalissa għal dawn is-sitwazzjonijiet hija li tfal Ukreni li jixtiequ jiġu Malta, joqogħdu mal-qraba tagħhom.
Alfred Grixti tenna, “Jekk ħa jkun hemm tfal minuri Ukreni li ħa jivvjaġġaw waħedhom, dawk li jissejħu bħala unaccompanied minors, il-probabilità kbira hija li l-ġenituri tagħhom Ukreni minn fejn qegħdin, jew fil-Polonja jew fl-Ungerija jew fil-Moldova jew fir-Rumanija li huma l-ewwel pajjiżi li għax imissu mal-Ukrajna ħadu l-massa kbira tar-refuġjati, dawn ħa jibagħtuhom biex joqogħdu ma’ xi ħadd li jafu jew xi qarib li jafdaw.”
F’każ li fil-futur qrib issir xi talba biex tfal Ukreni jiġu fostered jew adottati f’pajjiżna, hemm proċess legali x’jiġi segwit.
Fi kwalunkwe każ, din mhix xi ħaġa mil-lum għal għada u m’hemm ebda triq qasira li tista’ tittieħed.
Huwa stqarr, “Hemm proċess li huwa miktub fil-liġi, proċess li l-ewwel irid isir taħriġ, irid isir assessjar ta’ min jixtieq jiffosterja jew jadotta u once li jsir dak il-proċess biss li l-persuna isimha jitla’ quddiem jew il-bord tal-fostering jew il-bord tal-adoptions biex jiġu approvat bħala jew foster carer jew prospective adoptive parent imbagħad jibda l-proċess tal-matching.”
Alfred Grixti rrimarka kif f’dawn is-sitwazzjonijiet ikun hemm riskju akbar ta’ traffikar uman u għaldaqstant jiġu trattati b’aktar attenzjoni u dettall.
Qal, “F’dawn is-sitwazzjonijiet ikollok ix-sharks li jistgħu jkunu pedofli, li jistgħu jkunu people traffickers u rridu noqogħdu ħafna attenti allura dak li jsir normali, proċess sħiħ legali, irridu noqogħdu iktar attenti f’din is-sitwazzjoni li nimxu miegħu biex wara ma jinqalgħux kumplikazzjonijiet.”