Fl-aħħar ħames snin it-tfaddil tal-Maltin u l-Għawdxin żdied bi ftit aktar minn ħdax-il biljun u disa’ mitt miljun ewro.
Ċifri li kiseb ONE News mill-Bank Ċentrali ta’ Malta juru kif id-depożiti tal-Maltin u l-Għawdxin fil-banek lokali żdiedu b’ħames biljun u tmien mitt miljun ewro.
L-istess ċifri juru lid-depożiti f’istituzzjonijiet mhux finanzjarji bħal bonds tal-Gvern u kumpaniji privati żdiedu bi ftit aktar minn sitt biljun ewro fl-aħħar ħames snin.
F’Jannar tas-sena 2017 id-depożiti mall-banek lokali mill-Maltin u l-Għawdxin kienu jlaħħqu kważi s-sbatax-il biljun u tliet mitt miljun ewro, iżda f’Jannar ta’ din is-sena d-depożiti kienu jlaħħqu qrib it-tlieta u għoxrin biljun u mitt miljun ewro.
F’Jannar tas-sena 2017, l-investimenti tal-Maltin u l-Għawdxin, li ma sarux mal-banek kienu jlaħħqu kważi s-sbatax-il biljun u nofs ewro iżda f’Jannar ta’ din is-sena dawn l-investimenti kienu jlaħħqu ftit iżjed minn tlieta u għoxrin biljun u nofs ewro.
Id-Deputat Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija l-Professur Philip Von Brockdroff jgħid li din iż-żieda tista’ tiġi attribwita għall-effetti tal-pandemija u l-wirt minn ġenerazzjoni għall-oħra.
Il-Prodessur Von Brockdroff tenna, “Id-Depożiti Bankarji huma dovuti għal tliet affarijiet, bla dubju hemm żieda fit-tkabbir ekonomiku li jwassal għal żieda fl-assi finanzjarji, allura d-depożiti bankarji. It-tkabbir ekonomiku qabel il-pandemija kien wieħed ċar kien wieħed straordinarju.”
L-aktar depożiti popolari huma f’dawk ta’ kontijiet kurrenti fejn f’Jannar ta’ din is-sena kienu jlaħħqu d-dsatax-il miljun u kwart ta’ ewro żieda ta’ kważi seba’ biljun ewro meta kkumparati ma’ Jannar tas-sena 2017 fejn kienu jlaħħqu ftit aktar minn tnax-il biljun ewro.
Von Brockdroff jgħid li fl-aħħar snin żdiedet il-popolarità ta’ dawn it-tip ta’ kontijiet.
Huwa qal, “Għandek parti mill-poplu u parti sostanzjali li tippreferi tħalli ċertu savings jew ċertu likwidità, biex ovvjament jużaw il-flus għall-affarijiet oħra fosthom il-propjetà. Li ovvjament jirrendu ferm iżjed minn kontijiet fissi, aktar u aktar jekk il-propjetà tikrija.”
Isegwu wara huma d-depożiti fissi li kienu jlaħħqu t-tliet biljun u sitt mitt miljun ewro.
Hawnhekk kien hawn tnaqqis meta kkumparat ma’ Jannar tal-2017. F’dik is-sena d-depożiti f’kontijiet fissi kienu jlaħħqu l-erba’ biljun u seba’ mija u tmienja u għoxrin miljun ewro. Jiġifieri f’ħames snin d-depożiti fissi tal-pubbliku mal-banek naqsu bi ftit iktar minn biljun ewro.
Dan it-tnaqqis hu mifhum li hu konsegwenza fit-tnaqqis tar-rati tal-interessi mill-Banek. Von Brockdroff jgħid li ħafna Maltin u Għawdxin saru jippreferu jinvestu jew jiddepożitaw f’investimenti oħra.
Stqarr, “Però filwaqt li bonds li fil-fatt anke riċentament bdew ħerġin bonds ta’ kumpaniji, hemmhekk għandek rata ferm ogħla minn dawk lill-banek joffru permezz ta’ kontijiet fissi. Bejn wieħed u ieħor tista’ tkun bejn 3 jew 4% jew possibilment ftit iżjed ukoll. Allura aktar attraenti li tinvesti f’bonds bir-rata tal-imgħax ferm ogħla.”
L-akbar żieda fid-depożiti b’mod totali fl-aħħar ħames snin kienet fis-sena li għaddiet. Fil-fatt bejn Diċembru tas-sena 2020 u Diċembru tas-sena 2021 kien hemm żieda ta’ qrib il-biljun u disa’ mitt miljun ewro.
Von Brockdroff atwa din iż-żieda għal pandemija kif ukoll għat-tkabbir ekonomiku.
Hawn tenna, “Ovvjament dis-sena naħseb se jkollna tkabbir ta’ madwar 5% u allura l-ekonomija qed tirkupra u qed tiġġenera attività ekonomika għal kif kienet qabel il-pandemija.”