Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti ressqet protest ġudizzjarju kontra BirdLife Malta, hekk kif skont l-FKNK, il-Bird Life qalet li se taħdem biex terġa’ tinfetaħ diskussjoni dwar referendum dwar il-kaċċa.
Fi stqarrija l-FKNK qalet li din hija turija ta’ arroganza lejn il-vot tal-aħħar referendum dwar il-kaċċa.
Sostniet li dan il-vot għandu jiġi rispettat u ma jistax jiġi injorat mill- BirdLife sabiex twassal l-aġenda tagħha, li tneħħi l-kaċċa u l-insib minn Malta.
L-FKNK spjegat ukoll kif dan l-aġir imur kontra deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja li ppermettiet il-kaċċa fir-rebbiegħa, u tipperikola l-bilanċ bejn il-konservazzjoni u l-ħtiġijiet kulturali u rikreazzjonali.
L-FKNK iddikjarat li se tieħu l-passi kollha neċessarji sabiex ma jerġax isir Referendum Abrogattiv li jiswa lil poplu mas-sitt miljun ewro.