Bormla jerġgħu jibdew bħala l-favoriti li jirbħu r-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena. F’dawn l-aħħar snin il-klabb bormliż kien qawwa fir-regatta. Tibqa’ memorabbli r-Regatta tal-Vitorja 2018 fejn Bormla rebħu t-tiġrijiet kollha u l-aħħar edizzjoni tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien fl-2019 bil-klabb bormliż joħroġ rebbieħ. Biss fl-edizzjoni tar-Regatta tal-Vitorja tal-2020 il-bormliżi raw lil Marsa jeħdulhom ir-rebħa. Diżappunt li pero serva biex il-klabb jitgħallem mill-iżbalji u jsaħħah dejjem aktar it-team b’saħħtu li għandu.
U appuntu dik se tkun il-mira prinċipali ta’ Bormla fir-Regatta tal-31 ta’ Marzu li ġej. Dik li jirbħu u jagħtu spettaklu. Biżżejjed tħares lejn il-lista ta’qaddiefa li għandhom Bormla. Team armat kemm f’kategorija A u anke f’kategorija B.
F’kategorija A kien hemm bidla żgħira fil-crew, b’George Frendo se jaqdef f’Tal-Midalji filwaqt li Maximillian Mamo se jieħu sehem fil-pruwa ta’ b’erbgħa. Il-bqija l-crews l-oħra huma kollha konfermati.
Tal-Midalji: Kieran Zammit, George Frendo, Clayton Darmanin u Jurgen Camilleri.
Frejgatini: Kieran Zammit u George Frendo
Ta’ bi Tnejn: Dennis Thornton u Clive Casha
Kajjikki: Romario Brignone u Maximillian Mamo
Ta’ b’Erbgħa: Maximillian Mamo, Clive Casha, Dennis Thornton u Jurgen Camilleri
Bormla se jkunu protagonisti wkoll f’Kategorija B, b’taħlita ta’ qaddiefa zagħzagħ u oħrajn b’aktar esperjenza. Se jkunu protagonisti b’mod speċjali fl-opri l-kbar.
Tal-Midalji: Dusty Cassar, Charvon Gatt, Cleavin Falzon u Jannick Pace
Frejgatini: Dusty Cassar u Elton Azzopardi
Ta’ bi Tnejn: Charvon Gatt u Cleavin Falzon
Kajjikki: Nicholas Paris u Denzil Thornton
Ta’ b’Erbgħa: Elton Azzopardi, Charvon Gatt, Cleavin Falzon u Jannick Pace.
Il-klabb bormliż se jieħu sehem ukoll fit-tiġrija tan-Nisa permezz tal-qaddiefa Nadesh Bartolo u Nadine Vella.
Minkejja li waqt il-pandemija kien hemm waqfien kbir fl-organiżazzjoni tar-regatta u bil-klabb għal xi żmien wieqaf, xorta ma waqfux il-ħidma u anke l-proġetti.
Sar xogħol ta’ manutenzjoni fil-Club House u anke xogħol fuq dgħajsa tal-pass ġdida li ssemmiet għall-ex president tal-klabb Sammy Busuttil. Dgħajsa li nħadmet mill-imgħallem Alex Gatt ‘il-Buġi’.
Il-klabb ħa sehem ukoll barra minn xtutna, fir-Regatta ta’ Venezja u hemm il-ħsieb li dawn il-parteċipazzjonijiet internazzjonali jkomplu.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda għal ħabta tan-12.30.