Il-proposta ewlenija tal-Partit Nazzjonalista f’din il-kampanja elettorali tat-trackless tram, reġgħet kienet sors ta’ konfużjoni għall-kandidati Nazzjonalisti.
F’dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali bejn żewġ kandidati Laburisti u tnejn oħra Nazzjonalisti, il-kandidat Nazzjonalista Joseph Grech ma kienx jaf iwieġeb dwar l-istudji li saru għal din il-proposta.
“Dażgur li saru studji imma bir-rispett kollu, tista’ toqgħod tgħidli min għamel hekk u min għamel hekk, ħudu paċenzja għax qed nippruvaw infittxu x-xagħra fl-għaġina.”
Il-Ministru u kandidat Laburista, Ian Borg innota kif anki fis-settur tal-infrastruttura, hemm l-aspett tal-kredibilità.
“In-nies jafu li llum għandhom infrastruttura aħjar ġor-raħal fejn jgħixu, bil-major junctions fil-pajjiż. Ma nistgħux ma nirrikonoxxux l-ikbar proġett infrastrutturali tal-Marsa Junction jew il-proġett ta’ Santa Luċija jew is-Central Link.”
Il-Ministru u kandidat Laburista, Byron Camilleri fakkar fil-bendy buses u s-sistemi tat-trasport taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti u l-qabża li saret fis-servizz taħt Gvern Laburista.
“Boris Johnson jitmejjel bina kien għax ħeles minnhom hu u bellagħhom lilna. Minn laughing stock tlaqna. Illum għandna sistema tat-trasport pubbliku li taħdem, li għandek għexieren ta’ persuni, anzjani, żgħażagħ li diġà qed jużaw it-trasport pubbliku b’xejn, u minn din is-sena stess kif ħabbarna fil-budget, kulħadd se jibda juża t-trasport pubbliku b’xejn.”
Il-kandidat Nazzjonalista, Joseph Grech ikkontradixxa lill-kollega tiegħu Ivan Bartolo, li ftit tal-jiem ilu ammetta l-verżjonijiet differenti tal-manifest tal-Partit tiegħu u saħansitra qal li jekk hemm bżonn jinbidel ħames darbiet oħra.
“Ma nbidel xejn, assolutament xejn ma nbidel, mhu veru xejn.”
Meta ssemmew l-anzjani, issemmiet il-kredibilità tal-Partit Laburista li dejjem żied il-pensjonijiet.
Bħall-Kap tiegħu, għall-kandidat Nazzjonalista wkoll mhux importanti li l-anzjani jkunu jafu b’kemm se jiżdiedu taħt Gvern Nazzjonalista.
“Il-Partit Nazzjonalista ser ikun qed jgħolli l-pensjonijiet però mhux se noqgħod nidħol f’numri u figuri però huwa ovvju u ċar li l-pensjonijiet ħa jibqgħu jogħlew.”
Il-Ministru Camilleri mill-ewwel irrimarka, għaliex, il-kandidat Nazzjonalista ma kienx kapaċi jgħid b’kemm se jiżdiedu l-pensjonanti.
“Il-Partit Nazzjonalista mhux kapaċi jwieġeb il-mistoqsija tiegħek għaliex ma jafux u għaliex ċert li għandhom l-intenzjoni li jerġgħu jagħmlu bħal qabel; jiffriżaw il-pensjonijiet. Jien nidħol fid-djar tan-nies u tal-anzjani. Kelma li jgħiduli u xi wħud minnhom jgħiduha bi kburija u sodisfazzjon; jgħidulek, ħa ngħidlek kemm żdidt fil-pensjoni tiegħi, għaliex f’dawn l-aħħar snin li ilna fil-Gvern, budget wara ieħor, żidna l-pensjoni.”
Il-Ministru Ian Borg temm id-dibattitu billi tkellem dwar il-pjan kredibbli u tim kompetenti li għandu l-Partit Laburista biex ikompli jmexxi lil pajjiżna ’l quddiem.
“Kulħadd jaf li fl-aħħar snin in-nies marru ’l quddiem, jekk hux pensjonanti jew żgħażagħ jew ħaddiema jew nies li jħaddmu n-nies u għaldaqstant, is-Sibt li ġej hija għażla bejn il-futur u l-passat u jiena nħeġġeġ lin-nies jipparteċipaw f’dan il-proċess demokratiku għax għandi fiduċja li meta jevalwaw, jagħżlu lill-Partit Laburista.”