L-għoxrin ta’ Frar. Minn fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela ħabbar li l-għażla f’idejn il-poplu kienet għas-Sibt 26 ta’ Marzu.
Minn hemmhekk bdiet kampanja elettorali, fejn il-Partit Laburista wassal il-messaġġ ta’ Malta Flimkien.
“L-għażla bejn il-passat u l-futur. Aħna l-futur.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Ftit tas-sigħat wara, il-Prim Ministru ħabbar l-ewwel prijoritajiet ta’ Gvern Laburista ġdid. Fost dawn hemm investiment ta’ €700 miljun għal seba’ snin sabiex ikun hemm spazji ħodor viċin id-djar tan-nies.
Il-Partit Laburista qed jipproponi elf proposta għal ħames snin li ġejjin u lil hinn għal futur sabiħ ta’ pajjiżna.
Manifest elettorali li jaħseb f’kulħadd, fosthom fiż-żgħażagħ, hekk kif se jkollhom żieda fl-istipendju, għotja ta’ €1,500 lill-ġenituri għal dawk l-ulied li jkomplu jistudjaw u €10,000 f’għaxar snin għal first time buyers. Manifest li jaħseb ukoll fl-anzjani hekk kif se jkollhom żieda ta’ mill-inqas ħmistax-il ewro fil-ġimgħa fil-pensjoni u anki mediċini b’xejn.
Dan il-manifest elettorali jaħseb fit-tfal, permezz ta’ garanzija għat-tfal. Dan hekk kif se jkun hemm żieda fiċ-Children’s Allowance, it-tablet u laptop għal dawk fis-sekondarja.
Jaħseb ukoll fil-ħaddiema Maltin u Għawdxin, hekk kif se jkollhom żieda fiċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa u anki tnaqqis fit-taxxa. Se jkollhom ukoll tnaqqis fit-taxxa l-kumpaniji li jaħdmu f’Malta, li jassigura tkabbir ekonomiku wara l-isfida tal-pandemija.
L-inċentivi għan-negozji f’Għawdex se jkunu t’għaxra fil-mija iżjed.
Il-Prim Ministru ta l-kelma tiegħu li mal-ewwel mitt jum se jimplimenta l-emendi kollha b’rabta mal-IVF. Dan sabiex aktar koppji jkunu jistgħu jsiru ġenituri.
Dan filwaqt li l-pagi tal-edukaturi se jiżdiedu.
F’din il-kampanja elettorali kien hemm erba’ dibattiti bejn il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Xi ħaġa komuni f’kollha kemm huma hi Dr Abela kien konvinċenti, fejn ħarġet ċara d-differenza bejn il-viżjoni tal-elf proposta tal-Partit Laburista u n-negattività u l-attakki kontinwi tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech.
Fil-bidu ta’ din il-kampanja faqqgħet kriżi internazzjonali oħra dik tal-gwerra fl-Ukrajna, fejn hawnhekk il-Prim Ministru saħaq kif Gvern Laburista se jkompli jwieżen lill-familji u n-negozji, bħal ma ġara waqt pandemija.
Waqt kampanja elettorali, Dr Abela mar Brussell fejn qeda l-impenji tiegħu bħala Kap tal-Gvern Malti fil-fora Ewropea.
Il-kampanja tal-Partit Laburista kienet waħda viċin in-nies, hekk kif it-tmexxija flimkien mal-kandidati ltaqgħu man-nies f’diversi lokalitajiet.
Matul din il-kampanja elettorali spikkaw il-laqgħat man-nies taħt it-tined, fl-attivitajiet ta’ Rally Team Malta u anki Together in Concert ġewwa l-MFCC f’Ta’ Qali.
Tul dawn l-aħħar ħames ġimgħat ta’ kampanja deher biċ-ċar li l-Partit Laburista għandu proposti ċari, studjati, costed u li kollha flimkien jiswew għal tliet biljun u tliet mitt miljun ewro.
Permezz ta’ dan il-pjan li l-Partit Laburista ppreżenta għal ħames snin li ġej u anki lil hinn, il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin se jibqgħu jiġu inċentivati.
Dan għaliex Malta Flimkien. Il-futur sabiħ.