Fid-dibattitu bejn iż-żewġ mexxejja politiċi ħarġet differenza ċara, Prim Ministru konvinċenti li jaf kif se jinċentiva lin-nies u Kap tal-Oppożizzjoni li jrid inaqqas biss it-taxxi għal min jaqla’ l-iktar u sitta u disgħin fil-mija tal-ħaddiema se jmorru agħar b’dak li qed jipproponi hu.
“Saqsieni aħna hux se inżidu t-taxxi. Mhux talli mhux ser inżiduhom, talli aħna impenjajna ruħna b’mod ċar li jekk ningħataw il-fiduċja se nnaqqsu l-piż tat-taxxi. Kemm għan-negozji tagħna, mingħajr ħafna termini u kundizzjonijiet kif wegħdtu intom, minn 35% għal 25%. Kif ukoll ir-rata tat-taxxa tal-ħaddiema b’mod u manjiera illi nibqgħu nagħtu lil ħaddiema tagħna traħħis tat-taxxa ta’ medja ta’ tlett mitt ewro fis-sena. U se nkunu qed ngħinu, mhux kif qed tagħmlu intom, lil min jista’ l-inqas se ngħinuh l-aktar. Taħt il-proposta tagħkom 96% tal-ħaddiema tagħna imorru agħar, igawdu biss 4%. Taħt il-proposta tagħna igawdi l-pajjiż kollu.”
Fl-aħħar dibattitu politiku, din id-darba tal-Awtorità tax-Xandir, Bernard Grech baqa’ jħares lejn il-passat u moħħu f’ħamsa u għoxrin sena ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti.
“Aħna għandna, iva, Partit magħqud, Partit kredibbli, Partit illi renda, Partit illi tak mhux biss fl-aħħar snin meta konna aħna fil-Gvern f’25 sena imma anki meta aħna, jekk Alla jrid bil-fiduċja tagħkom inkunu nistgħu immexxu dan il-pajjiż.”
F’dibattitu ta’ kważi siegħa u nofs, Bernard Grech baqa’ ma qalx kif se jżid il-pensjonijiet filwaqt li Robert Abela semma ż-żidiet li ta sena wara l-oħra lill-pensjonanti u kif se jerġa’ jżidhom b’min tal-inqas ħmistax-il ewro fil-ġimgħa, jekk jingħata l-fiduċja.
Għal wegħda tiegħu tas-suppost setturi ekonomiċi ġodda li jrid joħloq Bernard Grech, pronta kienet it-tweġiba f’waqtha tal-Prim Ministru Dr Robert Abela.
“Nhar is-Sibt biss biss jiena iltqajt mal-komunità kummerċjali li taħdem fil-Metaverse, li taħdem fid-digital gaming, li taħdem fl-e-sports u qaluli biex ngħaddilek messaġġ Sur Kap tal-Oppożizzjoni. Qaluli l-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem, aħna nwettqu. Semma’ li ma ħloqniex setturi ekonomiċi ġodda. Ħa ntik ftit xi ħloqna aħna; bio-tech, medical technology, bio-pharma, AI, natrual language processing u jista’ jkun titwemmen inti li aħna ma ħloqniex setturi ġodda. Meta l-ġid nazzjonali minn ftit aktar minn €7 biljun fis-sena, fl-2012, fis-sena li għaddiet, fl-2021, is-sena ta’ pandemija qed nitkellmu, aktar milli irdoppja għal €14.5 biljun.”
Il-Prim Ministru kien ċar u sod waqt id-diskussjoni fuq l-ambjent fejn issemmew għadd ta’ inċentivi li beda jagħti Gvern immexxi minnu favur l-elettrifikazzjoni tal-vetturi u l-pjan propost ta’ seba’ mitt miljun ewro fi spazji ħodor fl-ibliet u l-irħula Maltin.
Fuq kollox fid-dibattitu ġie nnutat kif fuq naħa hemm Bernard Grech li jikkastiga u mhux jinċentiva u Robert Abela li bħal ma għamel waqt pandemija, jibqa’ jinvesti fin-nies u n-negozji.
Bernard Grech: “L-ESG huma kriterji illi qegħdin jiġu użati diġà f’ċertu kumpaniji f’Malta.”
Robert Abela: “Li ma qalilkomx il-Kap tal-Oppożizzjoni issa huwa li l-kriterji ESG f’pajjiżna skont id-direttiva Ewropea jgħoddu biss għal erba’ kumpaniji kbar, fosthom tnejn li huma banek kummerċjali. Lilkom in-negozji ż-żgħar u medji qed jgħidilkom li jrid ippoġġikom fl-istess keffa biex tgawdu mill-benefiċċji li hemm fil-manifest elettorali tal-Partit Nazzjonalista, tal-akbar kumpaniji ta’ pajjiżna. Aħna, proposta tagħna ekonomika hija li xorta se ngħinu lin-negozji tagħna biex jiġu ESG compliant, fosthom b’energy audits imma ma nagħmlux kundizzjoni li biex tgawdi mill-benefiċċju tat-traħħis tat-taxxa li l-ewwel inti trid tiġi ESG compliant u l-piż biex tasal għal dak it-target trid toħorġu inti. Dik differenza fundamentali.”