Kif imwiegħed fil-manifest elettorali, tniedew żewġ charters li jiffokaw fuq il-qasam tas-servizzi finanzjarji. Dawn huma charter għal investituri żgħar u charter għal min jagħmel użu minn servizzi bankarji, li ġew imħabbra mill-Ministru responsabbli mill-affarijiet tal-konsumatur Helena Dalli.
Il-Ministru Dalli qalet li l-qasam tas-servizzi finanzjarji jaf ikun delikat mal-konsumatur, peress li d-deċiżjoni li jrid jieħu l-konsumatur taf tkun deċiżjoni diffiċli jew riskjuża. Il-konsumatur ikollu jieħu deċiżjoni waħda b’impatt kbir. Żiedet tgħid li l-protezzjoni tal-konsumatur hija kruċjali, speċjalment għal konsumaturi b’inqas esperjenza jew dawk iktar vulnerabbli.
Kien hawn diversi każijiet fejn anzjani marru biex jinvestu l-ftit flus li kienu ġemmgħu u spiċċaw tilfu kollox minħabba pariri li mhux tajba inkella minħabba nuqqas ta’ għarfien dwar l-investiment.
L-għan tac-charters huwa li ma jkunx hemm bejgħ ta’ servizzi bi kwalità inferjuri jew serivizzi qarrieqa.
“B’hekk” temmen tgħid il-Ministru, “tissaħħaħ il-fiduċja fil-konsumatur”.