Rasndon Debono, żagħżugħ ta’ 18-il sena wieġeb mhux ħati li darab gravi Pulizija u li weġġa’ ieħor ħafif waqt li kien qed jiġi arrestat b’rabta ma’ suspett ta’ traffikar ta’ droga.
Debono, flimkien ma’ żagħżugħ ieħor, ġie arrestat jumejn ilu wara li l-Pulizija ġiet infurmata li żewġ persuni suspettużi qabżu grada ta’ kunvent li jinsab fi Triq Notabile, Birkirkara. Il-Pulizija tal-RIU marru minnufih fuq il-post u kif waslu raw karozza b’żewġ żgħażagħ fiha taħrab minn fuq il-post.
Din ġiet segwita u twaqfet fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera. Meta saret it-tfittxija fil-karozza instabu 30 pakkett kokaina, 18-il pakkett eroina u tliet grammi raża tal-kannabis.
Mas-sejba, il-Pulizija infurmat liż-żgħażagħ li kienu taħt arrest, iżda Debono allegatament ipprova jirreżisti bil-konsegwenza li weġġgħu żewġ pulizija.