Il-Pulizija ta’ Kontra d-Droga arrestat żewġt irġiel, Taljan ta’ 51 sena u raġel ta’ 49 sena mir-Repubblika Domenikana u tfajla Spanjola ta’ 24 sena fuq traffikar ta’ droga kokaina f’pajjiżna.
Il-Pulizija qalet li t-Taljan ġie arresat it-Tnejn filgħaxija f’Marsaxlokk wara informazzjoni li kien qed jagħmel użu minn binja f’Ħal Far għat-traffikar tad-droga. Minn tfittxija li saret fuqu wara li ġie segwit u mwaqqaf, il-pulizija sabu madwar €10,000 fi flus kontanti.
Minn tfittxija li saret fil-binja f’Ħal Far, instabu ftit inqas minn kilo droga suspettata kokaina. Fi tfittxija li saret fid-dar tat-Taljan fiż-Żurrieq, il-pulizija sabet mal-€40,000 oħra fi flus kontanti.
F’rejd separat b’rabta ma’ dan il-każ f’dar privata fl-Imsida, il-Pulizija arrestat lir-raġel mir-Repubblika Domenikana u lit-tfajla Spanjola, wara li nstabu bosta oġġetti marbuta mal-manifatturar tad-droga kokaina.
It-tliet persuni se jitressqu l-qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella u se jiġu mixlija b’akkużi marbuta ma’ traffikar ta’ droga u ħasil tal-flus fost oħrajn.
L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Ispetturi Mark Mercieca, Marshall Malia u Keith Mallan.