Intom il-magna ta’ dan il-Partit u l-magna ta’ dan il-pajjiż.
Sostniet dan mart il-Prim Ministru Dr Lydia Abela waqt rally taż-żgħażagħ Laburisti t-Tlieta filgħaxija.
Dr Abela tenniet kif waqt din il-kampanja elettorali b’mod iktar dirett setgħu jiġu nnutati l-isfidi tan-nies u b’hekk l-importanza li Gvern Laburista ġdid ikompli jkun viċin in-nies.
Hija rrimarkat ukoll il-ħidma sfieqa wkoll tal-Prim Ministru fl-aħħar xhur u snin ta’ sfidi li affaċċja l-pajjiż għalhekk l-importanza li nhar is-26 ta’ Marzu Dr Robert Abela jkun ikkonfermat bħala Prim Ministru ta’ Malta mill-ġdid.
Dan sabiex il-Partit Laburista jwettaq il-pjan tiegħu ta’ 1,000 proposta li fost oħrajn se jolqtu lit-tfal, il-qasam ambjentali, l-ekonomija, il-ħaddiema, il-familji u n-negozji.
Intant il-President ta’ Żgħażagħ Laburisti Georvin Bugeja sostna li l-Partit Laburista huwa l-Partit li jemmen fiż-żgħażagħ u b’hekk d-dar naturali tagħhom.
Huwa fakkar fil-proposti tal-Partit Laburista li jinċentivaw liż-żgħażagħ fil-vjaġġ tagħhom tul il-ħajja.
Tenna l-importanza tad-data tas-26 ta’ Marzu biex jiġi deċiż propju l-futur taż-żgħażagħ.
Tul din l-attività tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Unjin Internazzjonali taż-Żgħażagħ Soċjalisti Bruno Goncalves fejn irrimarka wkoll kif f’din l-elezzjoni ġenerali żgħażagħ ta’ 16-il sena issa jistgħu jivvutaw sabiex isemmgħu leħinhom, riżultat ta liġi progressiva li għadda Gvern Laburista.