L-Enemalta kkonfermat li l-interconnector tal-elettriku bejn Sqallija u Malta sofra xi ħsarat bl-ankra tal-bastiment Chem P.
Matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet dan il-vapur ġarrab xi ħsarat fis-sistemi tiegħu bil-konsegwenza li kien se jinkalja fl-akwati ta’ Baħar iċ-Ċagħaq.
Kien grazzi għall-intervent f’waqtu tal-Kaptana ta’ Transport Malta u tal-ekwipaġġ ta’ numru ta’ laneċ tal-irmonk li dan il-vapur inżamm madwar mitt metru ’l barra mill-ponta tal-Għallis f’baħar li beda jlaħħaq Forza 9.
Madankollu waqt l-operazzjoni, l-ekwipaġġ tal-Chem P niżżel l-ankri bil-għan li jżomm postu ’l bogħod mill-art iżda konsegwenza ta’ dan intlaqat l-interconnector.
Il-ħsara ġiet kkonfermata mill-Enemalta t-Tlieta filgħodu wara li numru ta’ għaddasa għamlu spezzjoni fuq is-sit.
L-Enemalta spjegat li l-provvista minn fuq l-interconnector inqatgħet bħala prekawzjoni s-Sibt li għadda u bħalissa l-enerġija kollha qed tiġi ġġenerata mill-impjant tal-gass ta’ Delimara.
Minkejja din l-interruzzjoni tal-interconnector, pajjiżna ma sofra l-ebda qtugħ fil-provvista tal-elettriku.
Din hija t-tieni darba li l-interconnector ġarrab ħsarat kawża ta’ ankra ta’ bastiment.
Fl-2017, l-interconnector kien ġarrab ħsarat estensivi wara li ankra ta’ vapur kienet ċartet parti mill-interconnector fil-fliegu bejn Malta u Sqallija.