Il-klabb tal-Isla qed iħares b’ottimiżmu lejn ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien ta’ din is-sena. Huma se jkunu qed jieħdu sehem fiż-żewġ kategoriji, b’kategorija A se tarahom jieħdu sehem b’team b’saħħtu.
Is-sengleani saħħew sew it-team ta’ qaddiefa u se jkunu fost il-protagonisti ewlenin għar-rebħ tal-ewwel postijiet fil-kategorija għar-rebħ tax-shield tal-Ħelsien.
Konfermi u tiġdid fil-crew ta’ qaddiefa ta’ kategorija A.
F’Tal-Midalji u f’Ta’ b’erbgħa ikkonfermat it-team li kellhom, bil-qaddiefa Glenn Zammit, Russell Bugeja, Glenn Gauci u Redeemer Rapa
F’Ta’ bi Tnejn se jaqdfu Clifford Bugeja u Glenn Zammit
Iż-żewġ qaddiefa fit-tiġrija tal-Frejgatini huma akkwisti mill-klabb tal-Marsa, Christian Camilleri u William Mifsud. Min-naħa l-oħra fil-kajjik senglean se jkun hemm Christian Camilleri u Nigel Sant.
Iż-żagħżagħ se jkunu l-protagonisti fit-team tal-Isla għall-kategorija B. Qaddiefa żagħżagh prodott tal-klabb u li qed iħejju sew għar-Regatta tal-Ħelsien.
Is-sengleani se jieħdu sehem ukoll fit-tiġrija tan-Nisa permezz ta’ Brooke Stivala u Aaliyah Bonello.
Il-klabb tal-Isla se jkun qed juża r-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien bħala prova għar-Regatta tal-Vitorja. L-għan hu li fix-xhur u fis-snin li ġejjien jarmaw team dejjem aktar b’saħħtu u li jpoġġi lis-sengelani mill-ġdid bħala l-isfidanti ewlenin għar-rebħ tax-shields.
Ma jonqsux ukoll il-proġetti. Riċentement kien hemm rinovar fil-bar tal-klabb u se jibda wkoll xogħol fuq il-maħzen li l-klabb għandu ħdejn il-Maċina.
Ir-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien se ssir nhar il-Ħamis 31 ta’ Marzu fil-Port il-Kbir. L-ewwel tiġrija tibda għal ħabta tan-12.30.