Fil-ġimgħa tal-elezzjoni ġenerali, il-General Workers’ Union u l-Kamra tal-Kummerċ, li bejniethom jirrappreżentaw numru kbir ta’ ħaddiema u min iħaddem fis-settur privat, ippreżentaw żewġ proposti li jirrigwardjaw pensjonanti li jirtiraw kmieni u żgħażagħ li ’l quddiem eventwalment ikunu pensjonanti.
L-ewwel proposta tħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ pensjonanti li jirtiraw kmieni fis-suq tax-xogħol, li jkollhom esperjenza li tiswa mitqlu deheb.
Qalet, “Xi ħadd li jagħżel li jirtira ta’ wieħed u sittin sena għax ikollu erbgħin sena bolla, illum ma jkunx jista’ jkun attiv fis-suq tax-xogħol qabel jagħlaq il-ħamsa u sittin u naħsbu li dis-sistema qiegħda tiskoraġġihom ħafna biex jibqgħu attivi għax inti jekk tkun għamilt erba’ snin barra mis-suq tax-xogħol huwa diffiċli li wara li tagħlaq il-ħamsa u sittin, terġa’ tkun attiv imqar għal ftit sigħat fil-ġimgħa.”
It-tieni proposta hija mmirata lejn iż-żgħażagħ biex ikunu mħejjija aħjar għall-futur tagħhom, b’sistema li diġà titħaddem f’pajjiżi oħra u turi li ż-żgħażagħ jinvestu fil-futur kmieni biex meta jirtiraw ikollhom pensjoni adegwata u allura jonqos ir-riskju ta’ faqar fil-faxxa tal-pensjonanti.
Spjegat, “Ikollok skema fejn partikolarment għal min għadu żgħir, ikun hemm il-possibilità li jiġi enrolled għal pensjoni supplimentari li jkollu l-possibilità li he opts out of it jiġifieri ma jkollux obbligu li bilfors irid jagħmilha però jkun hemm auto enrollment u inti you opt out.”
Intant, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union, Josef Bugeja elenka l-qabża fil-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti li saret fl-aħħar snin u laqa’ b’sodisfazzjon il-pjanijiet tal-Partit Laburista għall-ġejjieni biex il-pensjoni terġa’ tiżdied bi ħmistax-il ewro fil-ġimgħa.
Qal, “Kull ħaġa li ssir biex aħna ntaffu t-tbatija u nżidu l-kwalità tal-ħajja tal-pensjonanti, aħna favur tagħha assolutament. Fil-fatt aħna naqblu u hawnhekk l-għanijiet kemm tal-General Workers Union u tal-Partit Laburista qegħdin in sync fuq dawn l-affarijiet, li nżidu l-mobilità soċjali u l-kwalità tal-ħajja imma wkoll nistennew li nagħmlu l-isforzi kollha tagħna u ta’ kull min jaħdem biex il-pensjonant ikollu ħajja aħjar, jekk jista’ jkun daqs kemm kien qed jaħdem.”