Fadal 21,500 dokument tal-vot li għadu ma nġabarx mill-elettorat, hekk kif spiċċa l-ġbir tal-voti mill-għases tal-Pulizija. It-Tnejn filgħodu beda l-ġbir tad-dokumenti tal-vot min-Naxxar Trade Fair Grounds u mir-Rabat Għawdex. L-aktar distrett li fih għadhom ma nġabrux voti hu t-tnax id-distrett b’total ta’ 3,400 dokument tal-vot li għadhom ma nġabrux, segwit mit-tlettax-il distrett b’3,300 vot u l-għaxar distrett b’2,400 dokument tal-vot.
Il-Kap tal-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista Louis Gatt ħeġġeġ lin-nies li għadhom ma ġabrux il-vot biex jagħmel dan tul dawn l-erbat ijiem.
Qal, “Dawk reġistrati Malta għandhom jiġbru d-dokument tal-votazzjoni tagħhom mill-Uffiċini ġewwa n-Naxxar ex tradefair grounds bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-13:00 ta’ waranofsinhar u bejn it-15:00 u d-21:00 ta’ bilejl. L-aħħar ġurnata tkun il-Ħamis u jistgħu jinġabru sa’ nofsilejl. Dawk reġistrati Għawdex jistgħu jiġbru d-dokument tal-votazzjoni mill-Uffiċċju tar-Rabat Għawdex l-istess ħinijiet. Hemm faċilita li dawk il-Maltin u qegħdin reġistrati Għawdex u jinġibu Malta, kemm jibgħatu email fuq maltagozo.electoral@gov.mt”
Nhar it-Tlieta 22 ta’ Marzu se tkun ġurnata oħra ta’ votazzjoni bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ bil-lejl.
Qal, “It-Tlieta se jkun hemm il-votazzjonijiet tal-Assistant Electoral Commissioners u tal-Korp tal-Pulizija. B’kollox hemm madwar 6,700 persuna li se jkunu qed jivvutaw ġewwa n-Naxxar Trade Fair Grounds u dawk f’Għawdex fil-Farm Sperimentali.”
Il-Ħamis imbagħad issir il-votazzjoni fl-isptarijiet; l-Isptar Mater Dei, Karin Grech, Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Dawk li sa nhar it-Tnejn 21 ta’ Marzu fis-sitta ta’ filgħaxija jkunu għadhom pazjenti f’wieħed minn dawn l-isptarijiet, iridu jivvotaw fl-istess sptarijiet nhar il-Ħamis 24 ta’ Marzu bejn is-sebgħa ta’ filgħodu u l-għaxra ta’ filgħaxija.
Qal, “Pazjent li sa nhar it-Tnejn flgħaxija huwa pazjent ġo Mater Dei u jiġi discharged it-Tlieta u l-Erbgħa, dak ukoll irrid jivvota fl-Isptar”
Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jagħmel kuntatt mall-Uffiċċju Elettorali tal-Partit Laburista fuq 20901531 jew 20901528.