Ir-regatta tal-Yachting Malta EurILCA Masters ġiet fi tmiemha kmieni l-Ħadd wara nofsinhar meta l-flotot ILCA 6 u ILCA 7 tellgħu żewġ u tliet tiġrijiet rispettivament biex sa tmiem ir-regatta kull Klassi tellqet total ta’ ħames tiġrijiet.
Bil-Grigal li dieħel dritt lejn il-Port ta’ Marsamxett, il-kundizzjonijiet kienu ferm aħjar minn dawk ta’ nhar il-Ġimgħa, għalkemm it-temperaturi kienu aktar kesħin. Ir-riħ ġewwa l-port kien moderat li laħħaq madwar 16 sa 19 il-mil nawtiku fis-siegħa matul l-ewwel parti tat-tlielaq.
It-tlielaq bdew bil-Klassi ILCA 7 li rnexxielha tlesti tlett tlielaq, biex tagħmel tajjeb għat-tellieqa mitlufa nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar. Il-Klassi kellha korsa ta’ żewġ dawriet u spiċċat f’inqas minn 25 minuta. It-Taljan Roberto Bini rebaħ ir-regatta ġenerali b’punt wieħed biss fuq Giuseppe Cavalli, li kiseb it-tieni post
Immedjatament wara segwiet il-Klassi ILCA 6, li tellqu fuq korsa kemxejn differenti bi tliet dawriet. Kif ir-riħ żdied għal bejn wieħed u ieħor għall-24 mil nawtiku fis-siegħa u xita qawwija ħakmet il-flotta, il-Kumitat tat-Tlielaq, immexxi mill-Uffiċjal tat-Tlielaq Peter Dimech, iddeċieda li jtemm l-avvinment wara żewġ tlielaq. L-iŻvediż Ulf Myrin żamm l-ewwel post tiegħu, tliet punti qabel Sean Craig (IRL). Fit-tieliet post daħal l-Amerikan Spevak.
“Il-kundizzjonijiet tat-temp kienu ferm aktar ta’ sfida milli mistenni, partikolarment għal dan iż-żmien tas-sena, madankollu, kollox ma’ kollox kien avveniment ta’ suċċess u kuntenti li ksibna kummenti pożittivi mill-parteċipanti internazzjonali” ikkummenta John Huber, Chairman Yachting Malta, waqt Serata tal-Għoti tal-Premjijiet, organizzata minn Yachting Malta fir-Royal Malta Yacht Club.
Ir-Royal Malta Yacht Club, li ospitat l-avveniment, esprimiet il-gratitudni tagħhom lejn l-ekwipaġġ ta’ SailCoach u lejn il-voluntiera li taw kontribut lejn l-immanniġjar tat-tellieqa, partikolarment Peter Dimech, Sandra Agius Darmanin, Martin Azzopardi, Nicholas Bezy, Michelle Caruana, Adrian Gauci Borda, Wolfgang Scheifinger. u Michael Mifsud għad-Dgħajsa li kienet għad-dispozzjoni tal-Kumitat tat-Tlielaq.