Il-prezzijiet tal-fjuwil fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja komplew jogħlew, dan filwaqt li l-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa, partikolarment fir-Renju Unit ukoll splodew ’l fuq.
Dan fi sfond li d-domanda żdiedet fi żmien ta’ ħruġ mill-pandemija u issa anki fil-kuntest ta’ gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Fi Sqallija l-prezz tad-diesel u l-petrol tela’ għal żewġ ewro u ħamsa u għoxrin ċenteżmu għal kull litru.
Min-naħa l-oħra, Malta hija l-unika pajjiż fl-Ewropa fejn il-prezzijiet tal-fjuwil m’għolewx tant li waqt pandemija raħsu bil-Pjan ta’ Riġenerazzjoni Ekonomika u l-prezz baqa’ stabbli u huwa kważi ewro irħas għal kull litru minn dak fi Sqallija.
Il-kontijiet tal-enerġija f’Malta wkoll baqgħu stabbli, għal kuntrarju tal-kumplament tal-Ewropa.
Kontijiet tal-enerġija fir-Renju Unit li ġew f’idejn ONE News juru kif f’xahar, minn residenza qed jitħallas kont ta’ mija tlieta u sebgħin lira sterlina li huwa ekwivalenti ta’ ftit aktar minn mitejn ewro fix-xahar.
Malta, kemm fil-Kunsill Ewropew mal-mexxejja Ewropej u anki f’pajjiżna, permezz tal-Prim Ministru Robert Abela ngħadda messaġġ li l-piż tal-kriżi tal-enerġija ma għandux jintefa’ fuq iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Quddiem din il-politika tal-Gvern Malti, l-Oppożizzjoni, li permezz ta’ Bernard Grech kienet qalet li jekk l-affarijiet jogħlew minn barra, jogħlew f’Malta wkoll, issa qalet li pajjiżna għandu joħroġ minn ftehimiet u jixtri l-enerġija minn fejn is-suq, isuq.
Dan fi sfond li llum il-prezz taż-żejt huwa mija u tletin dollaru l-barmil meta fi kriżi finanzjarja inqas minn dik tal-pandemija u l-gwerra f’daqqa, jiġifieri fl-2008, il-prezz kien ta’ mitt dollaru l-barmil.