B’investiment ta’ iżjed min-nofs miljun ewro ġie inawgurat ir-restawr ta’ Ġnien Belvedere fil-Marsa.
Dan ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ambjent u l-Ippjanar Aaron Farrugia.
Il-Ministru saħaq kif dan il-ġnien irid jinżamm fl-aħjar stat anki fi żmien li ġej.
Dan sabiex jitgawda mill-familji u t-tfal Marsin.
“Dan il-ġnien hawnhekk kien, imma kien ilu żmien sħiħ minsi fil-verità mingħajr investiment u ma kienx post sigur fejn tibgħat it-tfal tiegħek jew tara l-anzjani jiġu hawnhekk jgħidu kelma. Dan l-investiment permezz ta’ Ambjent Malta, il-Planning Authority. Dan il-ġnien huwa bidu għall-ġnien ieħor illi huwa ftit ‘il bogħod minn hawn, Spencer Hill illi huwa investiment ta’ €2 miljun.”
Is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi faħħar dan l-investiment li qal kif dan huwa pulmun aħdar viċin triq arterjali dik ta’ Triq Diċembru Tlettax.
Spjega kif dan il-ġnien fih gradi, sabiex jingħalaq bil-ħin u anki kameras tas-sigurtà sabiex ikun post sigur għar-residenti Marsin.
“Jien kburi ħafna li issa dan il-ġnien qed nagħtuh lura lill-poplu, qed nagħtuh lura lill-poplu b’mod differenti, b’mod aktar sigur, post aktar irranġat, għandna l-vaska taħdem, għandna diversi arbuxelli u pjanti li għamilna hawnhekk sabiex inkomplu nsebħu dan il-ġnien, fl-istess ħin is-siġar kollha li kellna żammejnihom u żiedna magħhom.”
Is-Sindku tal-Marsa stieden l-għaqdiet tal-lokalità sabiex fih isiru l-attivitajiet għal Marsin.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Martin Saliba qal kif mitt elf ewro minn dan l-investiment seħħ permezz ta’ fondi mill-Awtorità.
Id-Direttur ta’ Ambjent Malta Josianne Muscat spjegat kif f’dan il-ġnien tranġa l-ġibjun sabiex iżomm l-ilma tax-xita u anki passaġġi.
Intqal kif is-siġar li kien hemm f’dan il-ġnien baqgħu hemmhekk u magħhom tħawwlu 750 siġra u arbuxelli.