Id-dsatax ta’ Marzu tfisser iċ-ċelebrazzjoni ta’ festa b’għeruq antiki, il-festa ta’ San Ġużepp, iċċelebrata mill-komunità Ġużeppina fir-Rabat.
Fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Ġesù tar-Rabat, li kienet armata għall-festa, saret il-quddiesa pontifikali f’ġieħ is-Solennità ta’ San Ġużepp.
Fid-dawl tal-protokolli tas-saħħa li jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ġimgħa ta’ Marzu, sar qbil li f’dan il-jum jiġu ċċelebrati biss il-festi interni, filwaqt li bejn l-ewwel u t-tmienja ta’ Mejju li ġej, issir festa kompluta bis-sehem tal-baned, nar u dak kollu li jagħmel il-festa Maltija.
Fil-paniġierku tiegħu, il-patri Dun Franco Fenech tkellem fuq l-imħabba li għandu l-Papa Franġisku lejn San Ġużepp fejn diversi drabi iddeskrivih bħala missier maħbub u ubbidjenti li ħadem fis-skiet.
Dun Franco Fenech tkellem ukoll kif San Ġużepp huwa meqjum ukoll bħala mudell ta’ kontemplazzjoni, għax f’ħajtu kellu x-xorti li jgħix f’familjarità umana u spiritwali ma’ Ġesù u Marija.
Għall-pontifikal attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-President ta’ Malta Dr George Vella, il-Prim Ministru Dr Robert Abela, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech, fost bosta membri parlamentari oħra.
Wara l-pontifikal, il-Prim Ministru Robert Abela u martu Lydia Abela, flimkien mal-kandidati tal-Partit Laburista iltaqgħu mar-Rabtin li kienu qed jiċċelebraw il-festa ta’ San Ġużepp.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ diversi Rabtin u dilettanti tal-festa ta’ San Ġużepp li esprimaw is-sodisfazzjon tagħhom li se jkunu qed jiċċelebraw il-festa darbtejn.
Huma qalulna hekk:
“Illum, hekk xi ħaġa eċċitanti li wara sentejn bil-Knisja magħluqa, qed niċċelebraw id-dsatax ta’ Marzu bil-Knisja miftuħa, terġa’ tara l-poplu Rabti magħqud flimkien.”
“Preparati għal festa mimlija bis-servizzi li ġejjin li jinkludi l-ħruġ tal-vara min niċċa, it-tlett t’ijiem tat-tridu, lejliet u nhar il-festa.”
“Kienet ilha mistennija, wara sentejn pandemija, festa sabiħa, nisperaw li meta toħroġ il-festa jkun temp aħjar.”