Il-kumpanija lokali Elepac irrilokat l-fabbrika ġdida tagħha minn Bulebel għal Ħal Far.
Din ir-rilokazzjoni saret b’investiment ta’ tlettax-il miljun ewro u se tkun qed tfisser l-ħolqien ta’ ħamsa u tletin impjieg ġdid.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri waqt li żar ix-xogħlijiet li qed isiru fil-fabbrika l-ġdida f’Ħal Far. Il-fabbrika f’Ħal Far se tipprovdi infrastruttura aktar adekwata, moderna u ikbar għax tuża l-massimu tal-art mogħtija.
Il-Ministru Schembri laqa’ l-esportazzjoni ta’ Elepac lejn swieq Ewropej bħal dawk fl-Italja, fi Franza, fil-Ġermanja, fir-Repubblika Ċeka u fl-Ingilterra. Din il-kumpanija qed tesplora wkoll opportunitajiet ta’ kummerċ fl-Afrika ta’ Fuq, partikolarment fil-Marokk.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Elepac Joseph Borg irrimarka li matul l-aħħar snin il-kumpanija investiet f’impjant u f’makkinarju, u se tkompli tinvesti aktar hekk kif tirriloka għall-fabbrika ġdida.
Borg stqarr, “Kellna nbiddlu l-makkinarju għal makkinarju li juża enerġija aktar effiċjenti u kien hemm ukoll żieda ta’ impjiegi over the years tlajna minn sittin impjegat u llum qegħdin mija u ħamsa.”
Il-Ministru Silvio Schembri tenna kif il-kumpanija Elepac hija testimonjanza ċara tal-viżjoni li Gvern Laburista kellu għan-negozji f’pajjiżna. Qal li dan il-proġett juri l-mod tajjeb ta’ kif in-negozji f’pajjiżna adattaw sabiex ikun assigurat il-futur tagħhom.
Schembri spjega, “Aħna dejjem għidna li rridu naraw u nibqgħu għaddejjin, inkunu ta’ spalla għan-negozji tagħna li minkejja l-pandemija ħaditilna ħafna mill-enerġija xorta bqajna għaddejjin flimkien ta’ spalla man-negozji biex jibqgħu jinvestu f’pajjiżna, issa li qed inħarsu lil hinn mill-pandemija qed inħarsu lejn rebbiegħa ġdida biex investimenti bħal dawn ninawgurawhom u nibdew naqtgħu l-frott ta’ ħafna ħidma li għamilna f’dawn l-aħħar snin.”