Kienu kliem ta’ tifħir li kellu għall-pajjiżna, ġuvni barrani li jħobb l-avventura u jħobb jiġbed filmati meta jkun fuq btajjel barra minn pajjiżu.
Iżda filwaqt li forsi għamel riċerka sew biex jara liema postijiet għandu jżur waqt li kien hawn Malta, żgur mhux forsi ma għamilx riċerka sew dwar ir-regoli li jissalvagwarjaw it-tieqa tad-Dwejra f’Għawdex.
Fil-filmat il-ġuvni jidher iżur postijiet mill-isbaħ hawn Malta u jsemmi il-każ tal-persuna li telgħat fuq it-tieqa tad-Dwejra u minħabba f’hekk waqgħu xi ġebel. Saħansitra kkummenta dwar dan il-każ u qal li jispera li ma jiġrix hekk.
Kompla billi qal “It-tieqa tad-Dwejra bħalissa tidher li hi maqsuma minn nofs u jaf li ftit taż-żmien ieħor ma tibqax teżisti. Mhux ta’ kuljum li se nkun hawn u għalekk se nittanta xortija!”
Għalkemm minn dan il-kumment jidher li fehem sew il-perikli li hemm u li forsi jaf kellu xi ħjiel dwar ir-regoli tal-aċċess għal fuq it-tieqa, ma tantx impurtah.
Għadda minn fejn kellu jgħaddi, qabeż is-sinjali ta’ tiwssija, u poġġa ħajtu fil-periklu billi mexa fit-tarf tat-tieqa, dendel siequ u qabeż minn punt għal ieħor ferm viċin tat-tarf.
F’Diċembru li għadda l-Gvern ħabbar ordni t’emerġenza fejn l-ebda persuna ma għandha l-permess biex taċċessa t-tieqa tad-Dwejra u titla’ fuqha. Kull persuna li tinqabad tikser din l-ordni se tkun qed teħel multa ta’ €1,500. Ordni li tħabbret ftit wara l-każ li seħħ tar-raġel li qabeż u waqqa’ partijiet mit-tieqa, bl-ordni t’emerġenza se tkun qed tibqa’ fis-seħħ sa’ Ġunju li ġej.