Fl-MFCC f’Ta’ Qali għaddejjin il-preparamenti għar-Rally Team Malta tal-Partit Laburista ta’ nhar il-Ħadd li ġej. Attività li ser tkun different minn tas-soltu hekk kif ser ikollha t-tema ‘Together In Concert’. Il-Ġimgħa filgħodu ONE News segwa l-preparamenti għal din l-attività li ser tkun l-akbar waħda li organizza l-Partit Laburista f’din il-kampanja elettorali. Attività li ser tiftaħ ukoll il-ġimgħa finali li ser twassalna għall-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu. Is-Segretarju Organizzativ tal-Partit Laburista William Lewis spjega kif din l-attività ser tittella’ b’responsabilità u f’konformi mar-regolamenti tal-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Qal, “Together in Concert għax għal għeluq tar-raba’ ġimgħa tal-kampanja elettorali ħejjejna kunċert mill-akbar. Se jkollna ‘l fuq minn erbgħin mużiċist flimkien ma’ numru ta’ kantanti stabbiliti u anke erba’ skejjel ta’ mużika. Se jkollna l-DJ Ziggy flimkien mall-orkestra. Se jkun spettaklu li żgur m’għandux jintilef.”
L-attivitá tibda fit-tlieta u nofs ta’ waranofsinhar u l-qofol jintlaħaq bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela. Bħas-soltu t-tim organizattiv qed iħejji sorpriża għal dawk li se jattendu.
Qal, “Infatti ħejjejna xi ħaġa li se tkun qed titqassam lil dawk preżenti ġewwa l-MFCC biex il-kunċert inkomplu nagħmluh iżjed ħaj. Jiġifieri dan waqt ċertu kanzunetti se jkollna l-parteċipazzjoni tal-pubbliku li ħa jkun magħna fis-sala. Allura nħeġġeġ lil dawk kollha li qed isegwuna biex jingħaqdu magħna fis-sala nhar il-Ħadd li ġej biex ikun parti minn dan ir-rally lill-Partit Laburista qed jorganizza għal għeluq tar-raba’ ġimgħa tal-kampanja elettorali.” Il-Kumitati Lokali tal-Partit Laburista se jkunu qed jorganizzaw trasport minn kull lokalità. Dawk kollha li jridu jattendu għar-rally jeħtieġ jirriservaw post u jistgħu jagħmlu dan fuq is-sit partitlaburista.org jew iċemplu fuq 20901751.