L-atleti Maltin Carla Scicluna u Jordan Gusman kellhom prestazzjoni b’saħħitha f’ambjent ferm kompettiv fil-Kampjonati Dinjija Indoor tal-Atletika f’Belgrad, fis-Serbja.
Gusman temm is-semifinali tat-3000m f’ħin ta’ 8:03.13, fejn daħal fis-seba’ post f’tellieqa mill-aktar teknika mirbuħa mill-Brittaniku Marc Scott – detentur tar-rekord Ewropew tal-5000 metru indoor.
Huwa daħal eżatt wara Berihu Aregawi, atleta Etopjan li ftit ġimgħat ilu fil-Ġermanja resaq qrib ħafna li jikser ir-rekord tad-dinja. Għal Gusman, din kienet biss it-tieni tellieqa fuq din id-distanza din is-sena. Huw kien l-ewwel Malti li kwalifika bid-dritt għal din il-fażi ta’ kompetizzjoni dinjija fl-atletika.
Min-naħa tagħha, Scicluna rreġistrat ħin pożittiv ta’ 7.71s fis-60m sprint, 0.04 sekondi biss mill-aqwa ħin personali tagħha. It-tellieqa ntrebħet minn Daryll Neita, tar-Renju Unit, midalja tal-bronż f’Tokjo.
Andy Grech, President ta’ Athletics Malta stqarr: “Din kienet esperjenza pożittiva ħafna għal dawn iż-żewġ atleti li ġrew ma’ uħud mill-aqwa ismijiet f’dan l-isport. L-opportunità li jiġru f’dan il-livell u f’dan it-tip ta’ stadium se jixprunahom biex jinvestu aktar enerġija fil-karriera tagħhom u se ssaħħaħ l-isforzi tagħhom biex jilħqu tragwardi ġodda fl-atletika”.