Tlett irġiel inżammu arrestati wara li wieġbu mhux ħatja li wettqu serqa minn appartament f’San Pawl il-Baħar, fejn allegatament serqu mija u ħamsin elf ewro fi flus kontanti u ġojjelli.
Apparti minn hekk, wieħed mill-akkużati, Juanito Jimenez ta’ tmienja u għoxrin sena li jgħix il-Ħamrun, kien mixli wkoll b’ħasil ta’ flus u li falla milli jobdi l-kundizzjonijiet li kienu imposti fuqu mill-Qorti.
Akkużat ieħor, Hagen Azzopardi ta’ tmienja u għoxrin sena mill-Imsida ġie mixli wkoll li pprova jisraq pistola, żamm arma tan-nar fil-pubbliku mingħajr liċenzja, u li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Fil-Qorti nstema’ kif it-tielet akkużat, Lydon Abela, kien suspettat b’involviment fis-serqa, hekk kif huwa kien f’relazzjoni mat-tifla tal-vittma tas-serqa, u minn filmati tas-sigurtà ġew identifikati l-imputati l-oħra.
Intqal kif Jimenez kien mar id-Depot hekk kif kien qed jibża’ li xi ħadd kien qed isegwih u meta l-Ispettur innota ġiżirana li kien liebes, li tiswa mat-tletin elf ewro.
L-Ispettur qallu sabiex din iħalliha d-Depot bħala parti mill-investigazzjoni u meta mar lura ġimgħa wara sabiex iġibha lura, ġie arrestat fuq il-post.
Il-Qorti rrifjutat it-talbiet tal-ħelsien mill-arrest minħabba l-gravità tal-każ u l-fatt li għad fadal xhieda li jridu jixhdu.
Il-Qorti ffriżat ukoll l-assi tal-akkużati.