Fis-Swatar ġie inawgurat l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-istorja ta’ pajjiżna li ser jilqa’ fi ħdanu tlieta u sebgħin familja.
Dan il-qasam ta’ akkomodazzjoni soċjali ser ikompli jgħin biex titnaqqas il-lista ta’ stennija li ftit snin ilu kienet tiżboq it-tlett elef u tliet mitt persuna.
Preżenti għal din l-inawgurazzjoni kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay li spjega kif dan huwa mument sinnifikanti fejn qed tiġi ċċelebrata politika ġdida tal-Awtorità.
Qal, “Illum li qegħdin niċċelebraw huwa mhux biss li qed nagħtu kenn lil 73 familja minn fuq il-lista ta’ stennija imma li niċċelebraw ukoll li l-Awtorità wessgħet ir-remit tagħha biex illum għandna r-riforma tal-kirjiet liberalizzati, il-kirjiet il-protetti kif ukoll aktar u aktar skemi biex aktar persuni jsiru sidien ta’ darhom.”
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes sostna li saqaf adegwat u dar diċenti huwa dritt.
Hu spjega li dan il-proġett tas-Swatar huwa monument soċjali li ser jindirizza l-bżonnijiet tal-lum u b’hekk tpoġġiet l-ewwel ġebla favur pajjiż aktar ġust.
Qal, “Dan huwa proġett li għal 73 familja ser ikun ifisser kwalità ta’ ħajja aħjar. Aħna matul dawn l-aħħar snin ħdimna biex mhux qasam tad-djar wieħed bħal hawnhekk imma diversi oqsma tad-djar li llum huma lesti u ovvjament qed ikunu inawgurati għar-raġuni li hemm bżonn li issa nibdew naqtgħu l-frott tal-politika li wettaqna f’dan l-aħħar snin.”
Il-Ministru Galdes temm jgħid kif il-bini tal-akkomodazzjoni soċjali huwa biss parti waħda minn rivoluzzjoni sħiħa li saret f’dan is-settur.