Hekk kif nhar il-Ħadd li għadda l-programm ta’ tiġrijiet kellu jiġi pospost minħabba l-maltemp, fi tmiem il-ġimgħa se jsir program doppju ta’ tiġrijiet.
Is-Sibt 19 ta’ Marzu, festa pubblika, se jsir program ta’ tlettax-il tiġrija li jibdew f’nofsinhar bl-aktar tiġrijiet importanti u mistennija bla dubju se jkunu ż-żewġ finali tal-Kampjonat Assikura riservati għall-klassijiet Gold u Bronze. Dawn iż-żewġ finali li mistennija jitilqu fit-3:20 pm u fl-4:25 pm se jkunu fuq distanza ta’ 2140m filwaqt li l-ħdax-il tiġrija l-oħra huma kollha fuq distanza ta’ 2640m inkluż it-tiġrija tal-klassi Premier li fiha r-rebbieħ se ssirlu preżentazzjoni ta’ tifkira mid-diriġenti tal-korsa ta’ Talinn fl-Estonja.
Il-Ħadd il-programm ta’ erbatax-il tiġrija jibda fil-11:30 am u dawn jinkludu t-tliet semi finali tal-Kampjonat Executive Security riservat għall-Klassi Silver. Barra minn hekk se jkollna żewġ tiġrijiet ta’ ħbiberija bejn sewwieqa mill-Estonja u dawk Maltin. Dawn iż-żewġ tiġrijiet ġew organizzati bil-kollaborazzjoni u l-għajnuna tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u dawk Ewropej kif ukoll EquestriMalta fl-okkazzjoni tat-30 Anniversarju mit-twaqqif tal-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Estonja. Stedina reċiproka għall-ġerrejja Maltin mistennija ssir f’Awwissu.
Fi stqarrija il-Kap Eżekuttiv ta’ EquestriMalta Max Zammit qal, li dawn it-tip ta’ tiġrijiet iservu sabiex jippromwovu l-isport ekwestri lokali fix-xena internazzjonali u barra minn hekk jagħtu opportunità lis-sewwieqa Maltin jikkompetu barra minn xtutna. Dan għaliex barra li EquestriMalta għandha r-rwol ta’ regolatur però temmen ukoll li dawn it-tip ta’ attivitajiet jgħollu l-livell ta’ l-isport.
Is-semi finali kif ukoll it-tiġrijiet ta’ ħbiberija se jkunu fuq distanza ta’ 2140m filwaqt li l-oħrajn ikunu fuq distanza ta’ 2640m. Wara t-tiġrijiet ta’ ħbiberija ssir preżentazzjoni.