Il-Partit Nazzjonalista reġa’ ikkonferma li bl-iskema ta’ tax credit li qiegħed iwiegħed, mhux ser ikunu qed jibbenefikaw dawk b’paga minima għaliex ma jħallsux taxxa.
Dan filwaqt li l-Partit Nazzjonalista mhu ser ikun qed jibgħat l-ebda ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa bħal dak li qed jirċievu n-nies bħalissa.
Dan ikkonfermah għal darba oħra d-deputat Nazzjonalista Ryan Callus li meta mistoqsi dwar kemm ser jingħataw dawk b’paga minima.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-awtorità tax-xandir Callus tenna li dan ser ikun f’forma ta’ kreditu ta’ taxxa u allura jingħata biss lil min iħallas it-taxxa.
Qal, “Meta niġu għal kreditu tat-taxxa, għad-domanda tiegħek, min jaqla’ inqas minn €20,000 fis-sena ser jaqla’ kreditu ta’ taxxa ta’ 10%. Min jaqla’ imbgħad minn 20,000 sa 40,000 ser jaqla’ kreditu ta’ taxxa ta’ 5%.”
Kien għalhekk li l-ġurnalist ta’ ONE News Colin Deguara li nnota kif id-deputat Ryan Callus kien għadu kif ikkonferma li dak li qed jirċievu n-nies bħalissa jista’ jkun l-aħħar ċekk li jirċievu.
Qal, “Bid-dikjarazzjoni li għamilt għall-mistoqsija dwar it-tax rebate għadek kif ikkonfermajt li jekk il-Partit Nazzjonalista jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li ġejja dan jista’ jkun l-aħħar ċekk ta’ rifużjoni tat-taxxa li qed jirċievu bħalissa persuni b’paga minima.”
Dan kien ikkonfermat ukoll minn Bernard Grech innifsu li meta mistoqsi dwar it-tax credit li qed iwiegħed ukoll stqarr kif dan ser jibbenefika minnu biss min iħallas it-taxxa u għalhekk dawk b’paga minima huma esklużi minn din l-għajnuna.