Bernard Grech saħaq li jifhem li hekk kif l-Ukrajna għolliet rasha, r-Russja kellha tagħmel xi ħaġa biex twaqqaf dan l-avvanz.
Din id-dikjarazzjoni għamilha waqt attività politika fir-Rabat fejn stqarr li dawn l-affarijiet jiġru fil-politika internazzjonali.
Dan fid-dawl tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna fejn fiha qed jinqatlu numru kbir ta’ suldati u persuni ċivili.
Qal, “Malli l-Ukrajna bdiet tgħolli rasha u allura kienet qedha timxi ’l quddiem, bla dubju, appuntu r-Russja kellha għaliex wieħed jifhem illi fil-politika internazzjonali dan isir, tagħmel xi ħaġa biex twaqqaf dan l-avvanz anki ekonomiku a skapitu tagħha.”
Bernard Grech kompla jkun negattiv fi kliemu u tiegħu pprova jagħtih lill-ħaddieħor.
Dan hekk kif l-Oppożizzjoni, li għamlet żmien tagħmel pressjoni għal lockdown totali fi żmien tal-pandemija u li issa ħarġet tgħid li ser taħfer iċ-ċitazzjonijiet, spiċċat tgħid li l-Gvern jisma’ mill-midja soċjali.
Qal, “Dawn ma jafux x’qegħdin jgħidu. Dawn jaraw x’tgħidilhom is-social media u skont is-social media u t-tgergir tan-nies jitkellmu. Dal-Gvern x’inhu jagħmel? xejn.”
Huwa kompla jtenni li l-Partit Laburista, li tant daħħal libertajiet ċivili, dejjem jara kif ser joħnoq lin-nies.
Qal, “U l-Partit Laburista li jemmen kif ħa joħonqok.”
Bernard Grech reħielha jattakka wkoll is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna, li waqt pandemija wera kemm hu sod.
Qal, “U s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna mar lura.”
Fir-Rabat, Bernard Grech kompla jkun il-wiċċ tal-passat.
Qal, “Fil-passat tagħna dan konna diġà qegħdin nagħmluh. Għamilnieha fil-passat, għamilnieha meta konna qegħdin immexxu dan il-pajjiż. La għamilnieha fil-passat, nagħmluha ukoll wara s-26 ta’ Marzu.”
Meta mistoqsi dwar il-costings, fl-istess attività huwa stqarr li għalkemm il-programm elettorali ġie approvat mill-Kunsill Ġenerali xorta waħda ser jibqa’ isir tibdil fil-manifest u saħansitra anke l-costings ser jibqgħu jinbidlu.
Qal, “Aħna dejjem konna ċari sa mill-ewwel ġurnata li ħriġna l-programm elettorali ħalli niddiskutu se nkomplu anke nikkonsultaw allura l-aġġustamenti anka tal-costings tagħna kienu se jibqgħu jiġu arranġati maż-żmien.”