Raġel ta’ 62 sena residenti l-Isla, weġġa’ gravi wara li waqa’ minn għoli ta’ madwar sular u nofs minn fuq scaffolding.
Illum, għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fl-inħawi ta’ Manoel Island, il-Gżira. Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li f’dak il-ħin ir-raġel kien qed jagħmel xi xogħlijiet fuq dgħajsa.
Ir-raġel ingħata l-għajnuna minn tim mediku, ittieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza u ġie ċċertifikat li weġġa’ gravi.
L-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.