L-atleti nazzjonali Carla Scicluna u Jordan Gusman waslu Belgrad, fis-Serbja, fejn il-Ġimgħa se jkunu qed jirrappreżentaw lil Malta fil-Kampjonati Dinjija tal-Atletika Indoor. Din hija l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża fl-istaġun tax-Xitwa u se jara liż-żewġ atleti Maltin jikkompetu ma’ uħud mill-aktar ismijiet rinomati fl-isport.
Il-parteċipanti f’dan l-avveniment jinkludu xejn inqas minn tnax-il rebbieħ tal-midalja tad-deheb fl-aħħar Olimpjadi, fosthom Mondo Duplantis (pole vault), Jakob Ingebrigtsen (1500m), Yulimar Rojas (triple jump) kif ukoll Marcell Jacobs (60m).
B’kollox, total ta’ 680 atleta minn 137 pajjiż se jipparteċipaw f’dan l-avveniment fi tmiem il-ġimgħa. Iż-żewġ atleti Maltin se jtellqu l-Ġimgħa filgħodu. Carla Scicluna se tieħu sehem fis-60m sprint – l-aktar tellieqa veloċi fl-atletika indoor, filwaqt li Jordan Gusman se jieħu sehem fit-3000 metru.
Fl-aħħar snin, Gusman kiteb mill-ġdid il-kotba tal-istorja tal-atletika Maltija, b’rekords ġodda fil-1500m, 3000m u 5000m, bl-aktar wieħed riċenti jkun ħin eċċellenti ta’ 7:44.40 fuq l-istess distanza li se jiġri f’Belgrad. Gusman kien kiseb żewġ midalji tad-deheb għal Malta fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa b’rebħiet fuq il-500m u l-10000m.
Scicluna, atleta ta’ 21 sena, hija ċ-champion nazzjonali renjanti fuq is-60m u l-100m, u diġà kisbet esperjenza sostanzjali barra minn Malta, fost l-oħrajn fl-Olimpjadi f’Tokjo s-Sajf li għadda.
Iż-żewġ atleti Maltin se jaffrontaw kompetizzjoni tal-għola livell fl-avveniment rispettiv. Gusman se jtellaq ma’ atleti bħal Selemon Barega u Lamecha Girma, li f’Tokjo rebħu deheb u fidda rispettivament. Ma’ Scicluna se jiġru speċjalisti tal-isprint bħall-Pollakka Ewa Swoboda, li fis-60metru rebħet il-mida;ja tad-deheb fil-Kampjonati Ewropej Indoor tal-2019.
Il-President ta’ Athletics Malta Andy Grech se jkun qed imexxi d-delegazzjoni Maltija. Huwa ddeskriva l-parteċipazzjoni ta’ dawn iż-żewġ atleti fil-Kampjonati Dinjija bħala “mument fejn l-atletika Maltija qed titpoġġa fuq l-għola livell ta’ dan l-isport”. Grech spjega li “din hija l-ewwel darba li atleta Malti – Gusman – qed jikkwalifika għal kompetizzjoni ta livell dinji fuq mertu tal-ħinijiet li kiseb, u l-parteċipazzjoni tiegħu f’Belgrad hija konsagrazzjoni ta’ karriera mill-aqwa.
Min-naħa l-oħra, għal Carla, talent żagħżugħ u emerġenti, din hija opportunità unika biex tisfida lilha nfisha fuq l-aqwa livell u tikseb esperjenza kruċjali għall-iżvilupp tagħha bħala waħda mill-aqwa sprinters femminili Maltin”.
Il-parteċipazzjoni tad-delegazzjoni Maltija fil-Kampjonati Dinjija hija possibbli grazzi għall-appoġġ tal-Kumitat Olimpiku Malti u SportMalta.