Żagħżugħ ta’ 28 sena residenti Ħal Luqa tilef ħajtu lbieraħ filgħaxija wara li tilef il-kontroll tal-mutur li kien qiegħed isuq fi Triq Mikiel Anton Vassalli, il-Gżira.
L-inċident seħħ għal ħabta tal-11:30 ta’ filgħaxija.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li kien hemm impatt bejn żewġ muturi li kienu qed jinstaqu fuq il-flyover tal-Kappara fid-direzzjoni tal-Marsa.
Il-muturi li huma tal-istess għamla Suzuki kienu qed jinstaqu minn żagħżugħ ta’ 28 sena residenti Ħal Luqa li miet fl-inċident u żagħżugħ ieħor ta’ 28 sena residenti Ħaż Żabbar.
Jidher li wara l-impatt bejn iż-żewġ muturi, wieħed minnhom reġa kellu mpatt mal-ilqugħ li hemm fil-ġenb tal-flyover.
Fuq il-post isejħet ambulanza u tim mediku li ħadu liż-żgħażagħ l-isptar fejn wieħed ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara u l-ieħor inżamm l-isptar Mater Dei.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin, filwaqt li nħattret inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Doreen Clarke.