Poplu b’saħħtu, pajjiż b’saħħtu.
Din kienet it-tema ta’ konferenza organizzata mill-Partit Laburista li fetħet aktar fuq il-proposti fil-manifest elettorali li jippromwovu kwalità ta’ ħajja aħjar, b’mod partikolari fejn tidħol is-saħħa mentali.
Fetaħ il-konferenza d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne li spjega kif poplu b’saħħtu ma jfissirx biss b’saħħtu fiżikament imma anki mentalment u semma b’mod partikolari l-importanza tal-isport fil-ħajja tagħna ta’ kuljum.
Innota kif fl-elfejn u għoxrin, kienu sitt elef persuna li wżaw is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità, filwaqt li s-sena l-oħra, dawn żdiedu għal xejn inqas minn sbatax-il elf persuna.
Dan juri l-effetti tal-pandemija fuq is-saħħa mentali tagħna u l-aċċessibbilità tas-servizzi li jeżistu.
Tul il-konferenza ġew spjegati fid-dettall il-miżuri tal-Partit Laburista fil-manifest elettorali għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, intiżi biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies.
Hawnhekk tkellmet l-avukat Roselyn Borg Knight, li spjegat kif kull proposta tifforma katina li meta taraha sħiħa, tkun qed tgħin lil kull persuna fis-soċjetà.
Borg Knight tenniet, “Il-ġenituri huma wkoll ħaddiema, in-nisa u l-irġiel, Maltin u Għawdxin, huma ħaddiema allura meta inti qed tagħti dak is-serħan tal-moħħ fejn jidħlu t-tfal, fejn jidħlu ż-żgħażagħ, u qed tagħti s-serħan tal-moħħ lill-ġenituri li jkunu fuq il-post tax-xogħol, il-katina tkun ma’ min iħaddem ukoll għax inti meta tkun f’pożizzjoni li għandek kollox għaddej kif suppost, it-tfal u ż-żgħażagħ qed jiġu ssalvagwardjati, imbagħad ħa tkun ix-xogħol u tkun ukoll produttiv fuq il-post tax-xogħol.”
Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela saħqet fuq l-importanza ta’ konferenzi bħal dawn, biex iżidu dejjem aktar l-għarfien fuq l-importanza tal-ħarsien tas-saħħa mentali tagħna lkoll.
Lydia Abela stqarret, “Kellna ħafna nies preżenti llum ġejjin minn oqsma differenti u apparti l-fatt li diġà ressaqna ’l quddiem il-manifest elettorali tal-Partit Laburista, xorta waħda qegħdin hawnhekk inżommu saqajna mal-art, nisimgħu mingħand in-nies u mill-istakeholders kollha biex inkomplu nwettqu l-aspirazzjonijiet u l-ħolm ta’ dan il-poplu.”